Il-PM jipproponi biex id-Deputat Mexxej il-ġdid tal-PL ikun jista’ jikkontesta l-elezzjoni li jmiss

Il-Prim Ministru ħabbar li l-persuna li se tilħaq flok l-Avukat Toni Abela, bħala d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, se tkun tista’ tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss u tkun parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. 
Waqt il-laqgħa politika tal-Ħadd f’Ħal Lija, Dr Joseph Muscat ħabbar li għada se jlaqqa’ l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista u se jipproponi biex waqt il-Konferenza Straordinarja ta' nhar il-Ġimgħa li ġej, titneħħa din l-klawsola partikolari u tiġi mmodernizzata l-kariga. 
Kompla jgħid li l-persuna li se tieħu post Toni Abela, trid tkun persuna li torganizza u timmodernizza l-istrutturi tal-Partit Laburista, tifhem il-mod kif qed jaħdem il-Gvern u tgħaqqad il-viżjoni tal-moviment ma’ ħidmet il-Gvern.
Il-Mexxej Laburista, filwaqt li awgura lil Toni Abela għan-nomina tiegħu bħala mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u ddeskrivieh bħala persuna ta’ intergrità, ħeġġeġ lill-Oppożizzjoni biex taħdem id f’id mal-Gvern u ma tattakkax lill-persuna nnominata, għaliex fi kliem il-Prim Ministru, “Toni Abela hu nnominat minn Malta u mhux min-naħa l-oħra.”
Waqt id-diskors ta’ madwar 30 minuta, il-Prim Ministru tkellem dwar il-kisbiet u l-wegħdi li l-Partit Laburista rnexxielu jwettaq f’kważi tliet snin fil-Gvern fosthom it-tnaqqis fil-qgħad, servizz aħjar fis-settur tas-saħħa, żieda lill-pensjonanti, pajjiz aktar demokratiku, u inċentivi għal dawk li jkollhom isiefru minħabba mard. 
Dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li qed ibiegħed ħafna nies minnu kawża “tal-ammont inkredibbli ta’ tgħajjir u bassezzi li qed jagħmel.” 
Lissen li Dr Simon Busuttil qed jinfexx fit-tgħajjir għaliex ma għandux pjan fuq Malta.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-bidla li għaddha u għad irid jgħaddi minnha l-Partit u sostna li “jekk tneħħi l-bidla, il-moviment ma jibqgħalu xejn”.  Ħeġġeġ biex il-Partit Laburista jibqa' aġent tal-bidla.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista qal li tant kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni, li filwaqt li l-poplu Malti u Għawdxi qed jitkellem dwar l-attakk feroċi ta’ Michael Falzon fuq l-istituzzjoniji indipendenti tal-Awditur Ġenerali, Dr Muscat għażel li jinjora dak li qal il-bniedem li hu ddiskrivieh bħala “raġel” u lanqas lissen kelma waħda dwar l-iskandlu ta’ Gaffarena.
Qal li jekk Dr Muscat jaħseb li se jnessi lin-nies dwar dan l-iskandlu billi ma jitkellimx dwaru, sejjer żball.