Filmat: Il-PM jindika bidu ta’ diskussjonijiet mar-Renju Unit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mistennija jibdew id-diskussjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit fuq bażi bilaterali dwar x’se jkunu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Semma wkoll ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Malta, ir-Renju Unit u anki l-Istati Uniti.
Fil-jumejn li għaddew, il-mexxejja Ewropej iltaqgħu fi Brussell bl-ewwel kummenti tal-Prim Ministru Malti jkunu li “ħafna mill-problemi ġew solvuti”. Spjega li s-Summit Ewropew tar-rebbiegħa ħareġ b’ħafna soluzzjonijiet tekniċi għall-problemi tekniċi li jeżistu fl-Ewropa.
Dwar il-kwistjoni ta’ Brexit, il-Prim Ministru qal li l-fatt li l-Ewropa tat sinjal b’saħħtu ta’ appoġġ lir-Renju Unit, allavolja mhux se jibqa’ membru tal-Unjoni Ewropea, dan xorta waħda mhux se jfisser li se jkun pajjiż “estranju”.
Qal iżda li fadal żewġ sfidi kbar fosthom il-ħin li fih irid jintlaħaq il-qbil. Spjega li l-ftehim finali jrid jiġi konkluż u ffirmat mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Żied jgħid ukoll li hemm pajjiżi bħal Belġju li l-ftehim irid jiġi aċċettat ukoll mill-parlamenti reġjonali.
Skont il-Prim Minaistru, il-problema l-oħra hija l-Irlanda ta’ Fuq fejn qal li trid tinstab soluzzjoni politika.
Ritratt: Unjoni Ewropea