Il-PM jinawgura l-uffiċċji l-ġodda ta’ EY

Fid-diskors waqt l-inawgurazzjoni ta’ uffiċċji ġodda ta’ EY, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-tkabbir li esperjenzat l-EY f’dawn l-aħħar 15-il sena juri t-tkabbir li qed ikollu s-settur finanzjarju f’Malta.
Il-Prim Ministru qal li t-tkabbir tal-EY u l-ftuħ ta’ aktar negozji f’Malta huma sinjal li l-ekonomija ta’ pajjiżna tinsab fid-direzzjoni t-tajba u qed tikber b’rata ta’ 5% fis-sena.
Bit-tkabbir fil-managed services hub, EY se tkun qed iżżid 50 post tax-xogħol ġdid.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat iżda staqsa jekk hawnx ħaddiema biżżejjed, li għandhom il-ħiliet meħtieġa biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet kollha li qed jinħolqu.
Saħaq li din hija l-ikbar sfida għal Malta, li jonqos id-distakk fil-ħiliet b’riforma edukattiva li tipprepara liż-żgħażagħ għax-xogħlijiet tal-futur.
Enfasizza li dan joħroġ ukoll mis-servej tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Edukazzjoni tal-MFSA dwar il-ħiliet meħtieġa għall-industrija tas-servizzi finanzjarji.
Joseph Muscat qal li Malta tista’ tagħmel pass kbir ‘il quddiem jekk jibdew jinħolqu karrieri u mhux biss postijiet tax-xogħol.

Ritratt: EY Malta