Il-PM jiltaqa’ mal-ħaddiema tax-xatt; nannuh kien wieħed minnhom

DOI - Omar Camilleri

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li hu jemmen fl-importanza tal-ħaddiem liċenzjati tax-xatt. Spjega li dan kemm għax nannuh kien ħaddiem liċenzjat tax-xatt u b’hekk esperjenza b’mod dirett dan is-settur, iżda wkoll għax konvint mill-importanza kruċjali tal-funzjoni li jwettqu.

Dan qalu waqt laqgħa mal-Malta Dockers Union (MDU). Hu għamel referenza għall-aħħar ġimgħat u l-ħidma siewja li wettqu l-ħaddiema liċenzjati tax-xatt li bħal dejjem kienet kruċjali fis-servizz li ngħata lill-pajjiż.

Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-kritika fuq it-tariffi mitluba u qal li din tirrifletti s-sogru li jieħdu fuq ħajjithom u saħħithom il-ħaddiema liċenzjati tax-xatt, li dejjem pattew lura għaliha b’ħidma leali u effiċjenti minkejja n-natura tax-xogħol. Abela faħħar ukoll il-livell ta’ servizz li ngħata matul is-snin u kif l-union dejjem ħadmet f’kuntest ta’ paċi industrijali mal-operaturi tat-terminals.

Il-Prim Ministru temm jgħid li wieħed jifhem li hemm interessi differenti, iżda l-MDU dejjem għarfet li biex il-ħaddiema tax-xatt u l-operaturi tal-port jimxu ’l quddiem, wieħed irid jaħdem b’mod kolleġġjali flimkien.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Malta Dockers’ Union Ryan Fava qal li għalkemm raw tnaqqis fix-xogħol fil-Freeport, l-union ħadmet biex il-ħaddiema awżiljari jibqgħu jitħallsu u ħadd minnhom ma spiċċa mingħajr xogħol, inkluż dawk li ma ħadmux l-40 siegħa. Semma li dan seħħ ukoll fis-settur tal-ikel, fejn baqgħu jżommu l-kompetittività b’rati baxxi biex ma jogħlewx il-provvisti tal-ikel.

Il-President tal-MDU qal li fi żmien li ġej qed jantiċipaw li jkollhom xogħol ġdid permezz tal-linja internazzjonali tat-tbaħħir CMACGM li ġġib ix-xogħol lejn Malta.