Il-PM jiltaqa’ mal-Gvernatur tal-istat ta’ Massachusetts

Ritratt: OPM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Gvernatur tal-istat ta’ Massachusetts Charles Baker fejn tkellmu l-aktar dwar żewġ investimenti ewlenin f’Malta li oriġinaw minn Boston.

Matul iż-żjara tiegħu fi New York fejn qed issir it-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, il-Prim Ministru irrefera għall-investimenti ta’ Crane Currency fil-qasam tal-manifattura u ta’ Steward Healthcare fil-qasam tas-saħħa.

Joseph Muscat fakkar kif il-kumpanija Crane Currency sentejn ilu ddeċidiet li tinvesti f’Malta biex toffri mijiet ta’ karrieri lill-Maltin u l-Għawdxin. Min-naħa tiegħu Charles Baker qal li huwa interessanti kif Crane Currency għażlet lil Malta biex minnha tħaddem l-akbar attività kummerċjali tagħha barra mill-Istati Uniti.

Tkellmu wkoll dwar l-investiment ta’ Steward Healthcare li se jinkludi tliet sptarijiet ġodda f’Malta u kampus mediku ġdid f’Għawdex. Il-Prim Ministru Muscat qal li  permezz ta’ din is-sħubija mal-privat, is-servizzi tas-saħħa f’Malta se jibqgħu bla ħlas għal kulħadd.

Il-PM jżur il-kwartieri u sptar li jitmexxa minn Steward Healthcare

Iktar tard il-Prim Ministru żar ukoll il-kwartieri ta’ Steward Healthcare International fejn ra sistema teknoloġika li qed tintuża mill-kumpanija biex jinżammu r-rekords mediċi.

Huwa ltaqa’ mal-President ta’ Steward HealthCare Armin Ernst.

Il-PM żar ukoll is-St Elizabeth’s Medical Centre li jitmexxa minn Steward Healthcare fejn iltaqa’ mal-istaff mediku. Uħud minn dawn l-impjegati diġà żaru Malta u Għawdex.