Il-PM jiftaħ kawża biex jintraddu l-assi fil-każ Gaffarena

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Mark Gaffarena u martu biex il-Qorti tħassar it-trasferimenti kollha li saru b’rabta maż-żewġ kuntratti ta’ tpartit ta’ artijiet u assi li kienu propjetà tal-Gvern.
Dan biex il-Qorti tordna li jintradd kollox lura.
Ġew ippreżentati wkoll mandat ta’ sekwestru għall-ammont li ġie mħallas fi flus lill-koppja Gaffarena u mandat ta’ inibizzjoni fuq it-trasferiment ta’ propjetajiet mogħtija bi tpartit.
Kien il-Prim Ministru stess li qal li kien se jiftaħ din il-kawża fil-Qorti waqt il-konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fejn ħabbar li kien qed jaċċetta r-riżenja ta’ Michael Falzon minn Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar wara l-konklużjonijet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-każ ta’ Gaffarena.

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jieħu passi disa’ xhur ilu, iżda stenna sakemm ma kellu ebda għażla oħra.
L-istqarrija tgħid li wara li għażel li jibqa’ jkaxkar saqajh, u minkejja din il-kundanna bla preċedent mill-Awditur Ġenerali, Joseph Muscat iddecieda li jħalli lil Michael Falzon fil-Grupp Parlamentari Laburista.