Il-PM jifhem l-inkonvenjent iżda jgħid li t-toroq se jingħalqu għas-sigurtà tal-poplu

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jifhem li jista’ jinħoloq inkonvenjent minħabba t-toroq li se jingħalqu fil-jiem tal-Valletta Summit, imma qal li dan qed isir biex ikun hawn is-sigurtà.
Waqt intervista fuq ir-Radju tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru saħaq li ma hemm l-ebda theddida jew xi ħjiel li jista’ jiġri xi ħaġa, iżda l-miżuri qed jittieħdu, biex il-mexxejja li se jkun hawn u l-poplu kollu, ikun sigur.
Qal ukoll li ntlaħaq ftehim mal-Gvern Ingliż biex jipprovdi apparat ieħor biex tiżdied is-sigurtà
“Qed naħsbu fl-agħar affarijiet biex inkunu safe,” kompla jgħid Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru sejjaħ lill-Valletta Summit bħala vot ta’ fiduċja f’Malta filwaqt li ddeskrivih bħala waħda mill-akbar laqgħat li qatt saru fl-Ewropa.
Kompla jgħid li bejn il-Valletta Summit u l-laqgħa tac-CHOGM se jiġu Malta mat-8,000 persuna. Fakkar ukoll dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew u saħaq li dan jikkonferma l-kapaċitajiet organizattivi tal-pajjiż.
Dwar il-każ ta’ Joe Cassar, il-Prim Ministru qal li minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu quddiemu l-fatti kollha, minn kien għalih, Cassar għadu jservi fil-Parlament.
Tkellem ukoll dwar it-tkabbir ekonomiku u qal li dan qed jinħass sewwa mill-poplu u t-tbassir tal-ħarifa, li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea, se jfisser ukoll daqqa tajba għan-negozji.
Joseph Muscat qal li jħoss li t-turiżmu, is-suq intern, l-esportazzjoni u l-fatt li l-familji għandhom aktar flus f’idejhom, mhux qed jingħataw biżżejjed importanza mill-analisti bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku.
Dwar min qed jabbuża mill-benefiċċji, il-Mexxej Laburista qal li dan mhux biss serq, iżda tfixkil ukoll għal min vera għandu bżonnhom.
Huwa u jitkellem dwar l-enerġija, Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ distruttiva u negattiva. Staqsa li jekk hu minnu dak li qed jgħid Simon Busuttil, jiġifieri li l-kontijiet raħsu grazzi għall-proġett tal-Interconnector u l-power station tal-BWSC, allura kif ma raħsux qabel l-elezzjoni.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-investiment ta’ €200 miljun fil-qasam tas-saħħa u qal li persważ li s-settur privat se jirnexxi u kburi li dan il-mudell sar fi żmien Gvern Laburista.