​Il-PM jiddiskuti t-tibdil fil-klima ma’ 6 mexxejja oħra

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa sehem f’laqgħa tal-Mexxejja tal-pajjiżi li se jospitaw laqgħat speċjali dwar it-Tibdil fil-Klima qabel il-laqgħa magħrufa bħala “COP21” li se ssir f’Pariġi.
Għal-laqgħa organizzata min-Nazzjonijiet Magħquda li saret mill-kapitali tal-pajjiżi mistiedna, ħadu sehem is-Segretarju Ġenerali Ban Ki Moon, il-President Franċiż Francois Hollande, il-President tal-Peru Ollanta Umana, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdoğan u l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.
Waqt il-laqgħa taċ-CHOGM, Malta se tkun qed tospita laqgħa speċjali dwar Tibdil fil-Klima li qed titqies importanti ħafna għax hija l-aħħar laqgħa qabel il-COP21.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-laqgħa f’Malta hija opportunità kbira li se sservi ta’ laboratorju għal ftehim eventwali waqt is-Summit tat-Tibdil fil-Klima ta’ Pariġi. Dan minħabba li fil-Commonwealth hemm pajjiżi fost l-aktar żviluppati u oħrajn inqas żviluppati kif ukoll micro-states li qed jiġu affettwati ħafna mit-tibdil fil-klima.
Il-President Francois Hollande qal li is-summit tal-Commonwealth f’Malta se jkun kruċjali biex jintlaħaq kunsens dwar it-tibdil fil-klima.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott