Il-PM jiddefendi xiri ta’ pittura mir-raġel tal-Ministru Dalli

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ddefenda x-xiri ta’ pittura mill-artist Patrick Dalli, li huwa r-raġel tal-Ministru Helena Dalli. Din il-pittura nxtrat għall-prezz ta’ €15,000.

Dr Muscat qal li l-Istat Malti ilu għal snin sħaħ jixtri xogħlijiet minn galleriji tal-arti u minn kollezzjonijiet privati mingħajr sejħiet għall-offerti.

Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil fejn fost l-oħrajn staqsa jekk saritx sejħa għall-offerti qabel dan ix-xogħol ġie assenjat lill-artist inkwistjoni u kemm tħallas b’kollox minn Marzu 2013 ‘l hawn.

Muscat qal li x-xogħlijiet tal-arti mixtrija, li jirrapreżentaw b’mod wiesa’ t-talenti tal-komunità artistika lokali, jinxtraw speċikament biex ikomplu jsaħħu l-kollezzjoni nazzjonali tal-arti. Il-Prim Ministru qal li fost oħrajn jeżistu anki fondi speċifiċi għal dan il-għan, fosthom wieħed imsejjaħ Contemporary Art Fund, amministrat minn Heritage Malta.

Irrimarka li fl-aħħar tmien snin permezz ta’ dan il-fond biss inxtraw iktar minn 100 biċċa xogħol tal-arti ta’ iktar minn 40 artist bi spiża ta’ madwar €400,000. Dawn ix-xogħlijiet kollha llum jagħmlu parti mill-kollezzjoni nazzjonali tal-arti.

Il- Prim Ministru qal li minħabba n-natura tal-akkwist innifsu, qatt ma kienet il-politika, taħt kull amministrazzjoni, li biċċiet tal-arti għall-kollezzjoni nazzjonali, jinkisbu b’sejħiet għall-offerti.

Huwa qal li jidher li Simon Busuttil mhux informat dwar li qabel ma tinxtara biċċa xogħol tal-arti, l-esperti ta’ Heritage Malta jagħtu l-approvazzjoni taghhom kemm f’dik li hija kwalità u anki f’dak li huwa prezz. Saħaq li hekk sar ukoll dwar il-pittura tar-raġel tal-Ministru.

“Tajjeb li fl-istess ħin l-Onor. Interpellant ikun jaf li fl-2010 l-istess artist kien magħżul minn Heritage Malta biex itella’ wirja ta’ xogħlijiet tiegħu fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti. Kif inhi l-prassi l-artist dakinhar kien anki għadda pittura tiegħu għall-kollezzjoni,” Muscat spjega.