Il-PM ‘jibda l-proċess biex jippubblika r-rapport Egrant’

Read in English.

Propju wara d-deċiżjoni li ttieħdet fil-Qorti Kostituzzjonali llum, il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lill-Kummissarju tal-Liġijiet, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, biex jistudja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u jissuġerixxi mod kif dan ir-rapport jista’ jiġi ppubblikat.

Fi stqarrija mill-Gvern ta’ Malta, intqal li kif kien iddikkjara mill-bidu nett, il-Prim Ministru se jitlob li l-Inkjesta Egrant tiġi ppubblikata fl-intier tagħha bis-salvagwardji meħtieġa.

Illum, il-Qorti Kostituzzjonali emendat id-deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u kkonkludiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata kopja sħiħa tiegħu. Il-Qorti iżda qalet li r-rapport ma hemmx bżonn jiġi ppubblikat fl-intier tiegħu.

Fl-istqarrija l-Gvern qal li minkejja l-konsiderazzjonijiet legali, il-Prim Ministru għadu favur li r-rapport sħiħ jiġi ppubblikat. Qal li għalhekk, Muscat talab lill-Imħallef Emeritu Mizzi biex jistudja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u jissuġġerixxi mod kif dan ir-rapport jista’ jiġi ppubblikat mingħajr ma jinħoloq preġudizzju fl-investigazzjonijiet u fejn jidħlu dettalji privati ta’ persuni li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.

Kif żvolġa l-każ?

Fit-22 ta’ Lulju tal-2018 kienu ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali. Minn dawn kien ħareġ li mart Joseph Muscat, Michelle, ma kinitx is-sid tal-kumpanija Egrant. Dan imur kontra dak li kien qed jiġi allegat. Wara dan, l-Avukat Ġenerali Peter Grech, kien ta l-parir li r-rapport ma jiġix ippubblikat sħiħ, dan sabiex ma jkunux ippreġudikati l-investigazzjonijiet kurrenti u biex ma joħorġux dettalji privati ta’ persuni li mhumiex fil-ħajja pubblika jew li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.

Delia kien sostna kemm-il darba li kien fi dritt tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni li jkollu kopja ta’ dan ir-rapport. Hu kien fetaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali fejn talab ukoll li dan id-dokument ikun aċċessibbli b’mod sħiħ għall-pubbliku.

It-talba ta’ Delia kienet ġiet miċħuda mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fl-14 ta’ Mejju. Wara, Delia appella din id-deċiżjoni li wasslet għad-digriet tal-lum.

Minkejja li l-Gvern qal Ii l-Qorti ddikjarat li r-rapport sħiħ ta’ Egrant m’għandux ikun pubbliku, fid-Digriet il-Qorti qalet biss li ma huwiex meħtieġ li r-rapport isir pubbliku. Dan iħalli lok għall-għażla li wieħed jippubblika jew le. Id-digriet tal-Qorti ordna biss li l-Avukat Ġenerali jagħti kopja tar-rapport lill-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda ma ordnax li għandu jkun l-Avukat Ġenerali li jagħmel ir-rapport aċċessibbli għall-pubbliku.

X’għamel Delia wara din id-deċiżjoni tal-Qorti?

Propju wara li l-Qorti Kostituzzjonali ħarġet id-digriet tagħha, Delia qal li wara li mar l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, dan qallu li se jinvoka li jeżegwixxi s-sentenza tiegħu dwar l-inkjesta Egrant wara jumejn.

Aktar kmieni, Delia qal li l-ogħla Qorti tal-pajjiż, illum sabet li l-Avukat Ġenerali kiser il-kostituzzjoni tal-pajjiż. Qal li ġaladarba l-Qorti sabet dan, mela l-Avukat Ġenerali Peter Grech għandu jirreżenja.