Il-PM jgħid lil Konrad Mizzi jitlaq mill-Grupp Parlamentari Laburista

Aġġornat 06:47 PM

Konrad Mizzi ħabbar fuq il-Facebook tiegħu li l-Prim Ministru talbu biex ma jibqax parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Fl-istess post, Mizzi qal li ma jaqbilx mad-deċiżjoni iżda se jibqa’ leali lejn il-Partit Laburista. Hu implika li se jibqa’ Membru Parlamentari li jagħti l-voti tiegħu lill-Partit Laburista.

Minkejja li Mizzi ma jaħsibx li għandu jirreżenja u jidher li qed jinsisti li ma jagħmilx dan, hu m’għandux għażla li jibqa’ parti mill-Grupp Parlamentari jekk l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista jiddeċiedi li dan jitneħħa.

Dan ifisser, li jekk Mizzi jiddeċiedi li ma jkunx irid jirreżenja minn Membru Parlamentari, hemm ċans kbir li hu jkollu jibqa’ jagħmel dan bħala Membru Parlamentari Indipendenti u mhux f’isem il-Partit Laburista.

Il-post ta’ Konrad Mizzi jgħid li:

“Filwaqt li nirrispettah u x-xogħol li qed jagħmel għal pajjiżna, ma qbiltx li għandi nwarrab fuq allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet mbuttati ‘l quddiem mill-avversarji tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru milux li stqarr li jekk xi ħadd żgarra fil-proġett tal-Montenegro, għandu jwarrab. Min-naħa tiegħi, jien ċħadt bl-aktar mod kategoriku kwalunkwe allegazzjoni ta’ interess personali fil-proġett. Ma naqbilx allura li persuna tintalab twarrab mingħajr ma tinstema’ u mingħajr ma tingħata l-opportunità li tiddefendi ruħha. Il-kredenzjali demokratiċi u moderni tal-Partit Laburista jridu proċess ogħla minn hekk.

In-nuqqas ta’ interess personali għandu joħroġ iktar ċar mill-investigazzjonijiet li qed isiru mill-awtoritajiet. Naqbel li l-investigazzjoni ssir u li ssir malajr, u ninsisti li l-Enemalta tiddikjara pubblikament id-dettalji kollha tal-proġett. Sa llum dan m’għamlitux.

Ma nibżax mill-kalunnji tal-għedewwa tal-Partit Laburista, u se niddefendi ruħi, kif għandi kull dritt li nagħmel bħala ċittadin ta’ pajjiż demokratiku.

Jien nibqa’ leali b’mod assolut lejn il-Partit Laburista u lejn il-kostitwenti li eleġġewni biex nagħti servizz fil-politika. Bis-servizz tiegħi, mexxejt ‘l quddiem il-politika ekonomika u tal-enerġija tal-Gvern Laburista taħt il-Mexxej Laburista u Prim Ministru Joseph Muscat. Bis-saħħa tal-isforzi tagħna, raħħasna l-kontijiet tad-dawl u ilma, u minn kumpanija falluta, l-Enemalta bdiet tinvesti fi proġetti internazzjonali. Il-proġett tal-Montenegro huwa l-ewwel proġett tal-Enemalta ‘l barra minn xtutna, li jtiha dħul garantit ta’ mill-inqas 9.4%.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi, jien xorta se nibqa’ nuri l-lealtà lejn il-Partit Laburista u, bil-vot tiegħi fil-Parlament, se nkompli nsostni l-isforzi tal-Gvern Laburista. Se nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi lejn l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna, u nibqa’ nagħti l-kontribut tiegħi fil-politika, fejn se nkompli nkun il-vuċi tal-kostitwenti tiegħi.”

Il-Prim Ministru talabni biex ma nibqax parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Filwaqt li nirrispettah u x-xogħol li…

Posted by Konrad Mizzi on Tuesday, June 23, 2020

Intant, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, qal fuq Facebook li l-unika persuna li għadha taħseb li Mizzi huwa innoċenti huwa Mizzi stess.

Jidher li l-unika persuna li għadu jaħseb li Konrad Mizzi huwa innoċenti huwa Konrad Mizzi.

Posted by David Casa on Tuesday, June 23, 2020

Intant, fost għexieren ta’ kummenti fuq il-post ta’ Mizzi, kien hemm dak ta’ Neville Gafà. Hu qal lil Mizzi biex jibqa’ hemm. Sostna Mizzi għamel l-impossibbli għall-pajjiż.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru Robert Abela ma ċaħadx li hu direttament jew indirettament talab lill-eks Ministru Konrad Mizzi biex jirriżenja minn Membru Parlamentari. Abela kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt waqt konferenza tal-aħbarijiet f’bini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija.

Sorsi għolja qrib il-Gvern kienu infurmaw lil Newsbook.com.mt li l-Prim Ministru ma kienx kuntent li Mizzi għadu membru tal-Parlament u kien wassal ix-xewqa tiegħu lill-eks Ministru. Din il-kamra tal-aħbarijiet kienet bagħtet imejl lil Mizzi biex jistaqsi għar-reazzjoni tiegħu iżda Mizzi ma kienx wieġeb. Il-fatt li l-Prim Ministru dar mal-mistoqsija jkabbar il-kredibbiltà tas-sorsi li tkellmu magħna.

F’risposti lil ġurnalisti oħra, Abela qal li min jaħseb li Mizzi rritorna Malta għax se jilħaq kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà huwa żbaljat. Il-Prim Ministru ddeskriva lil Gafà bħala bniedem ta’ integrità.

Mizzi kien irriżenja minn Ministru għat-Turiżmu f’Novembru 2019 f’nofs il-kriżi politika li laqtet lill-pajjiż.

Huwa kien baqa’ Membru Parlamentari u kien instab li ngħata bil-moħbi kuntratt tal-konsulenza mal-Awtorità tat-Turiżmu bi ħlas ta’ €80,000 fis-sena. Kienet saret pressjoni mill-Prim Ministru Abela biex dan il-kuntratt jitħassar. Aktar tard iżda Abela kien ippropona li Mizzi jinħatar kap tad-delegazzjoni Maltija fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE). Din il-proposta ġabet magħha reazzjoni negattiva ħafna u l-Gvern reġa’ lura milli jwettaq din l-istess proposta.