Il-PM jgħid li s-sens komun irid jirrenja fil-kwistjoni tal-VGH

Fid-dawl tat-theddida industrijali min-naħa tal-Assoċjazzjoni Maltija għat-Tobba (MAM) dwar azzjonijiet industrijali inkluż strajk, il-Prim Ministru Joseph Muscat esprima t-tama li s-sens komun jirrenja kif ġara f’każijiet oħra.
Mistoqsija parlamentari dwar il-proġett ta’ Pace Grasso lill-Ministru Chris Fearne spiċċat f’battibekk f’sensiela ta’ mistoqsija u risposta min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Prim Ministru dwar il-kuntratt ta’ Vitals Global Healthcare u t-trasferiment u l-bejgħ tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Steward Healthcare System.
Il-Prim Ministru qal li l-ftehim li sar bejn il-Vitals u Steward kien wieħed kummercjali u li l-Gvern qatt ma daħal bejniethom. Żied jgħid li hu sar konxju tat-taħditiet bejn iż-żewġ naħat meta ż-żewġ partijiet resqu qrib xulxin u nnotifikaw lill-Gvern. Il-Prim Ministru qal li ma jqabbilx fuq l-analiżi li qed issir mill-Oppożizzjoni dwar il-ftehim mal-Vitals u l-argument li dik naqset milli tonora l-ftehim milħuq.
Dwar il-Memorandum of Understanding (MOU) li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Vitals qabel effettivament il-Vitals rebħet it-tender, huwa qal li dan l-MOU waqa’ hekk kif il-proposti li għamlet il-kumpanija ma kinux konformi mal-linja gwida li saret lill-Malta Enterprise.
Dr Muscat qal li t-track record ta' Steward Health System huwa b’saħħtu ħafna għax huwa l-ikbar operatur ta’ sptarijiet privati fl-Istati Uniti.
Aktar kmieni llum, ​Ashok Rattehalli, wieħed mill-investituri tal-Vitals Global Healthcare (VGH), ressaq mandat ta' inibizzjoni kontra l-kumpanija.