Il-PM jgħid li mhux jinjora u jaf li hemm nies imdejqin bil-Panama Papers

Il-Prim Ministru Joseph Mucat qal li l-Gvern mhux qiegħed jinjora u lanqas mhux qed jagħti każ iżda se jaġixxi u jindirizza kollox meta jkollu l-fatti f’idejh.
Waqt il-progamm Arena fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-Prim Ministru qal li jifhem li l-poplu qed jistaqsi dwar il-każ tal-Panama Papers u saħaq li l-Gvern se jagħti t-tweġibijiet mingħajr ma jkun supperv.
“Nafu li hemm nies imdejqin bil-każ tal-Panama Papers,” qal il-Prim Ministru. “Jien mhux ngħid li dan perċessjoni, aħna nisimgħu, ngħarrblu, naraw il-fatti, nisimgħu x’qed jgħidu n-nies u nieħdu azzjoni.”
Konrad Mizzi dejjem qal il-verità – PM
Il-Mexxej Laburista kompla jgħid li Konrad Mizzi ddikjara li ma kellux flus fil-kontijiet u d-dokumenti żvelati juru li hu dejjem kien qed jgħid il-verità. Saħaq li Mizzi ddikjara kollox, għax dan hu żmien li fih jidħlu Id-dikjazzjonijiet tal-assi, iżda minkejja dan xorta se ssir l-investigazzjoni minn kumpanija indipendenti u internazzjonali u tax audit mill-Kummissarju tat-taxxi.
“Li kieku Konrad Mizzi ma ddikjarax it-trust kont ngħidlu jkollok tirrizenja, iżda Konrad Mizzi din id-dikjarazzjoni għamilha,” qal Joseph Muscat.
Dwar l-Iswiss Leaks, il-Prim Ministru fakkar kif kien hemm min ma ddikjarax dawn il-kontijiet u semma lill-eks Ministru Austin Gatt.
"L-Oppożizzjoni ma għandhiex fuq xiex taqbad" 
Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni ma għandiex fuq xiex taqbad u minkejja li tista’ tħalli xi effett, meta jasal iż-żmien biex il-poplu jiddeċiedi, “l-għażla se tkun bejn Joseph Muscat li wettaq dawn il-miżuri u Simon Busuttil li kull ma jagħmel jitfa’ t-tajn u li joffri more of the same.”
Tkellem ukoll dwar l-effett li dan il-każ qed ikollu fl-Unjoni Ewropea u qal li “l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jistax iġerraha li l-ewwel Presidenza Ewropea li ħa jkollha Malta, ser tkun taħt Gvern Laburista.”
Huwa ċaħad li hemm xi tensjonijiet fil-grupp Parlamentari Laburista dwar dan il-każ.
"Simon Busuttil qed jgħolli t-temperaturi u jsaħħan l-irjus"
Dwar il-każ ta’ Jason Azzopardi, Dr Muscat qal li Busuttil qed jipprova jgħolli t-temperaturi u jdaħħal tribaliżmu ġdid.
“L-appell tiegħi huwa li wieħed iżomm is-serenità, hawn Gvern li qed jaħdem għal pajjiż u Oppożizzjoni li qed tuża dawn it-tattiċi,” stqarr Joseph Muscat.
"Jekk Busuttil jemmen dak li jgħid għandu jirtiera l-iskema taċ-ċedoli"
Għadda wkoll biex jitkellem dwar l-iskema ta’ self li qed jippromwovi l-Partit Nazzjonalista li ddeskriviha bħala “dejn sigriet” u qal li jekk Busuttil jemmen dak li qed jgħid dwar it-traspareza għandu jirtiera minnufih l-iskema.
Il-PM jirreferi wkoll għall-konkrit difettuż f'Mater Dei u l-inċident f'Montekristo
Tkellem ukoll dwar il-konkrit diffettuż f’Mater Dei u qal li l-Gvern qed jieħu l-pariri kollha u fakkar kif il-poplu se jkollu ħallas €150 miljun għal deċiżjoni ta’ ħaddieħor.
Fl-aħħar nett dwar iż-zoo f’Montekristo u qal li abbużi simili mhux se jkunu ttolerati.
Il-poplu ma jridx diskorsi imma azzjoni – Reazzjoni PN
Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li flok ħabbar ir-riżenja ta’ Mizzi u Schembri, Joseph Muscat kompla jiddefendi l-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Il-PN qal li Muscat ma tkellimx dwar il-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li għamlu pressjoni fis-sajf li għadda biex jiftħu kontijiet sigrieti fid-Dubaj u fil-Panama bħala konsulenza u senserija.
“Il-poplu Malti u Għawdxi mhux diskorsi fuq is-Super One jrid, imma li jitkeċċew Konrad Mizzi u Keith Schembri,” ttemm tgħid l-istqarrija.