Il-PM jgħid li l-Mediterran irid ifisser ġid u mhux mewt

Waqt id-diskors tiegħu fil-ftuħ tal-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Mediterran għandu jfisser ġid, xogħol, kultura u paċi u mhux mewt.
F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Dr Muscat sostna li hemm bżonn tama għall-Mediterran, li f’dawn l-aħħar snin sar assoċjat biss ma’ mewt ta’ persuni, fosthom tfal, li jippruvaw ifittxu ħajja aħjar.
Spjega kif hu biżżejjed li wieħed jara kif ġenituri li jħobbu lil uliedhom u li jkollhom jagħżlu bejn dgħajsa qed taqa’ biċċiet jew li jibqgħu f’pajjiżhom, jagħżlu d-dgħajsa li qed taqa’ biċċiet. Qal li b’hekk wieħed jista’ jifhem l-urġenza tas-sitwazzjoni.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Malti saħaq li l-Ewropa li l-iktar, jekk mhux l-uniku, grupp ta’ pajjiżi li qed jippruvaw isibu soluzzjoni flimkien. Dan minkejja li ħafna jikkritikaw lill-Ewropa  u jsostnu li mhix qed taħdem biżżejjed fejn tidħol il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Dwar il-fond ta’ għajnuna li se jitnieda waqt is-Summit, Dr Muscat qal li dan se juri rieda bla preċedent biex l-art tkun iktar sigura. Sostna li dan il-ġid għandu jitgawda l-ewwelnett mill-popli Afrikani.