Il-PM jgħid li Jason Azzopardi qed jilgħab logħba

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jilgħab “logħba” meta jmur għand il-mezzi tax-xandir barranin u juża’ l-protezzjoni tal-privileġġ parlamentari.
Jason Azzopardi qal li kien is-Surġent Aldo Cassar li nforma lit-tliet persuni akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienu se jiġu arrestati.
Mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-istqarrijiet li diġa ħarġu mill-Pulizija u mis-Servizzi Sigrieti kienu ċari u ma kellu ebda dubju mill-pożizzjoni tagħhom.
Newsbook.com.mt ivverifika indipendentament li kien hemm min ‘beżaq’ l-informazzjoni u kixef lill-kollegi tiegħu.
Mistoqsi dwar għaliex naqqas milli jsemmi l-fatti kif ippubblikati minn The Daphne Project waqt il-mass meeting ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru qal li dawn huma stejjer li diġa ħarġu sena ilu qabel u waqt kampanja elettorali.
Qal li diġa kellu ċ-ċans li jitkellem dwar l-allegazzjonijiet li qed isiru filwaqt li rrefera għall-iskop tal-mass meeting li kien marbut mal-ħaddiema f’Jum il-Ħaddiem.