Il-PM jfaħħar is-suċċess tas-Summit u l-ħtieġa tal-bdil fir-regoli tax-Schengen

Il-Prim Ministru illejla faħħar is-suċċess tal-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni iżda qal li hemm bżonn bidla fir-regoli tax-Schengen li jgħinu lill-persuni li jivvjaġġaw minn post għall-iehor fl-istess waqt li jassigura li l-immigranti jinqasmu bejn il-pajjiżi permezz tal-mekkaniżmu globali ta’ rilokazzjoni.
Dr Muscat tenna li dan kien l-ewwel summit fejn fih il-mexxejja Ewropej tkellmu direttament mal-mexxejja Afrikani.
Saħaq li l-aktar ħaġa importanti kienet li fasslu pjan ta’ azzjoni li jrid jiġi implimentat mill-pajjiżi konċernati, fl-istess waqt il-fondi ġew allokati.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, l-Prim Ministru ddefenda l-kontribuzzjoni ta’ Malta ta’ €250,000 għat-Trust Fund li se jgħin lil pajjiżi bħall-Etjopja, is-Sudan u l-Uganda biex ikunu jistgħu jittrattaw aħjar il-kawżi tal-immigrazjoni irregolari.
Qal li din hija l-ogħla rata per capita mill-pajjiżi kollha Ewropej u tikkuntrasta bil-kbir ma ‘ pajjiżi oħra li saħansitra se jagħtu €50,000 jew ma taw l-ebda flus s’issa.
Dr Muscat qal li r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija, partikolarment bil-kriżi tal-immigrazzjoni, kienu diskussi fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew.
Filfatt, il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew se ssir fit-Turkija.