Il-PM jemmen li l-Airmalta se tkun l-aqwa linja fl-Ewropa

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li jemmen li l-Airmalta tista’ tinbidel fl-aqwa linja tal-ajru fl-Ewropa u tikber esponenzjalment.
Waqt li kien qed jitkellem fil-Parlament dalgħodu, Muscat tkellem dwar il-linja nazzjonali tal-ajru u x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern biex l-Airmalta tqum fuq saqajha.
Dan is-suġġett kellu jkun wieħed mis-suġġetti diskuss wara l-baġit, iżda ngħata ftit il-ġenb minħabba l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Muscat irrimarka li jħossu kunfidenti biżżejjed li l-Airmalta se ssalva, u xħin tkellem dwar l-importanza li jinstab sieħeb strateġiku li jgħinha ssalva, enfasizza li dan mhux se jsir qabel il-ftehimiet mal-ħaddiema tal-linja jiġu konklużi.
Kien hawn xħin il-PM qal li dawn il-ftehimiet iridu jiġu konklużi sal-aħħar tas-sena, u biex dan iseħħ irid ikun hemm qbil mal-imsieħba kollha.
Semma li aktar kmieni f’Awwissu kien diġà kien hemm qbil, iżda did-darba l-Gvern irid jissiġilla qbil ieħor li jassigura żieda fil-paga lill-ħaddiema tal-kumpanija.
Il-perċentwal taż-żieda hu l-istess għal kulħadd, u Muscat enfasizza li l-Gvern ma jridx jifred u jsaltan fl-Airmalta.
“Qed nagħtu ċ-ċans li kull ħaddiem jagħżel l-aqwa paga li rċieva bejn l-2014 u l-2016, u fuqha nikkalkulawlu ż-żieda”, temm jgħid il-PM.
Qal li l-Airmalta trid tespandi, u semma l-kisba ta’ ajruplan ġdid u rotot oħra, iżda qal li l-espansjoni ma sseħħx jekk ma jkunx hemm qbil.
Ritratt: Arkivji