​Il-PM jemmen li jista’ jinqabad il-mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia

JOSEPH FRONT COVER

Fi ktieb li se joħroġ fl-okkażjoni tal-10 sena tiegħu bħala Mexxej Laburista, Joseph Muscat jgħid li jemmen li jista’ jinqabad il-mandant tal-qattiela tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Fil-ktieb “10 snin mexxej”, Joseph Muscat jitkellem dwar il-proċess ġudizzjarju li għaddej bħalissa b’rabta ma’ dan il-qtil, u jgħid kif il-pulizija qed tmur il-qorti tispjega punt wara l-ieħor. 
Muscat qal li li dan huwa differenti minn dak li kien ġara fil-każijiet ta’ delitti oħra bħalma kienu dawk ta’ Raymond Caruana u Karin Grech. 
F'intervista esklussiva dwar il-ktieb mal-Professur Andrew Azzopardi, il-Prim Ministru jsemmi kif minn dejjem kellu l-biża’ li Daphne Caruana Galizia seta’ jiġrilha xi ħaġa, iżda mhux ħaġa daqstant sorprendenti”. 
Semma kif xejn ma jiskuża delitt, iżda jsostni li Caruana Galizia ma kinitx persuna faċli tittratta magħha. Kompla jgħid li mingħajr ma jrid iqabbel dan il-każ ma’ dak li ġara f’pajjiżi oħra, Malta ġabet esperti minn pajjiżi oħra mill-ewwel u li magħhom ħadmu tajjeb ħafna l-forzi tal-ordni lokali. Qal li dan wassal biex illum hemm tliet persuni l-qorti akkużati bil-qtil tagħha.
 Suġġetti oħra li jissemmew fil-ktieb jinkludu l-każ ta’ Egrant, li baqa’ jiddeskrivi bħala “gidba faħxija”. 
Fil-ktieb, il-mara tiegħu Michelle Muscat ukoll tiżvela affarijiet ġodda li qed jiġu ppubblikati għall-ewwel darba.