“Il-PM jeħtieġ persuna leali maġenbu” – Helena Dalli

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Prim Ministru jeħtieġ persuna leali maġenbu, li ma jkollhiex aspirazzjonijiet aktar għoljin.
Hekk kif nediet il-kampanja tagħha għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament fi ħdan il-Partit Laburista, Dr Dalli qalet li m’għandhiex ambizzjonijiet oħrajn għajr li tikkonvinċi lill-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ ftit żmien ieħor u jaħseb fuq id-deċiżjoni li ħa.
Saħqet li jekk ma jirnexxilhiex tikkonviċih, u tkun hi Deputat Mexxej, Dr Muscat ma jkollux għala joqgħod jinkwieta u jara x’qed jagħmlu dawk in-nies viċin tiegħu.
Maġenb il-monument ta’ Jum il-Ħelsien hija spjegat li t-tema tal-kampanja tagħha se tkun ‘mara magħkom’. Spjegat li għażlet din it-tema għax hi dejjem kienet serja u mara mal-Partit Laburista u mal-Parlament.
Dr Dalli qalet li kien Joseph Muscat innifsu li nkoraġġiha biex toħroġ għal Deputat Mexxej. Spjegat li meta l-Prim Ministru fdalha l-portafoll għall-Affarijiet Ewropej, li kienu responsabbiltà ta’ Louis Grech, diversi nies avviċinawha biex toħroġ għal Deputat Mexxej.
Żiedet tgħid li qabel ma tefgħet in-nomina tagħha tkellmet mal-eks Viċi Prim Ministru Louis Grech.
Dr Dalli qalet li jekk tkun eletta se żżomm laqgħat regolari mad-delegati tal-Partit bil-għan li żżommhom aġġornati bil-ħdima parlamentari u bit-twettiq tal-programm elettorali.
Helena Dalli ilha Membru Parlamentari għal 21 sena. Flimkien magħha tefgħu n-nomina tagħhom il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.