Il-PM idawwar il-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija f’każin Laburista – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li għall-Partit Laburista m’hemmx differenza bejn dak li hu tal-Gvern u l-poplu Malti fuq naħa u dak li huwa tal-Partit Laburista fuq in-naħa l-oħra.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali, Chris Said, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Kevin Cutajar u mid-deputat Nazzjonalista Joseph Ellis, ngħad li l-Prim Ministru Robert Abela dawwar f’każin Laburista l-Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex, meta għamel il-laqgħa tiegħu tal-Ħadd għall-partitarji Laburisti ġewwa l-istess Innovation Hub, bini tal-Gvern, iffinanzjat minn fondi Ewropej u li suppost huwa ddedikat għan-negozji biex joperaw minnu.

Robert Abela uża l-Innovation Hub biex minnu jagħmel ħafna kummenti partiġġjani li minnhom l-Għawdxin ma ggwadanjaw xejn, sostna l-Partit Nazzjonalista li saħqu kif minflok, l-Għawdxin kienu qed jistennew mingħand Abela biex jgħidilhom kif l-Innovation Hub, li sewa flejjes kbar, se jimlieh bin-negozji li joffru xogħol ta’ kwalita` għall-Għawdxin f’Għawdex kif ilu jwiegħed il-Partit Laburista sa mill-2013 bla ma qatt wettaqha.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li tajjeb illi d-diriġenti ta’ Indis Malta Ltd, il-kumpanija pubblika li tmexxi l-Innovation Hub jispjegaw kif sit industrijali tħalla jintuża għall-attività partiġjana li żgur ma taqax fil-mansjonijiet ta’ din il-kumpanija. Ta’ dan, dawn id-diriġenti ta’ Indis Malta Ltd, għandhom jagħtu rendikont ta’ għemilhom u jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom.

“L-Għawdxin qed isaqsu wkoll kemm ħallas kera l-Partit Laburista biex għamel il-laqgħa partiġjana ġewwa l-Innovation Hub. Dan għaliex huwa fatt magħruf li l-kera f’dan l-Innovation Hub hi għolja immens u hija wieħed mill-fatturi ewlenin li qed inaffru lin-negozji milli jikru spazju hemmhekk. Tajjeb li nkunu nafu jekk Indis Malta Ltd mxietx bl-istess kejl ta’ kera mal-Partit Laburista meta dan għamel użu mill-Innovation Hub kontra l-liġijiet u l-policies li suppost Indis Malta Ltd timxi magħhom,” sostnew il-kelliema tal-PN li temmew l-istqarrija jgġidu illi aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jerġgħu jqumu l-iħirsa tas-snin sebgħin u tmenin meta ma kienx hemm distinzjoni bejn il-Gvern u l-Partit Laburista.