Aġġornata: Il-PM jappella lill-Oppożizzjoni biex tirtira l-avviż legali dwar l-universitajiet

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni għandha tirtira l-mozzjoni fil-Parlament biex temenda l-Avviż Legali 150, dwar l-istandards tal-universitajiet
Fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, Dr Muscat sostna li l-Oppożizzjoni għandha tirrispetta lil Martin Scicluna u l-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, li se tagħmel skrutinju tal-applikanti għall-universitajiet u m’hemmx indħil mill-Gvern. 
Dwar il-każ tal-konkos inferjuri f’Mater Dei, Joseph Muscat qal li l-evidenza l-ġdida daħlet wara li ntemmet l-inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras.  
Saħaq li l-Gvern Malti se jiltaqa’ ma’ Skanska u mal-Gvern Żvediż u li l-inkjesta reġgħet bdiet wara li saru magħrufa fatti ġodda.  Il-Prim Ministru sostba li ma setax jemmen li flok ammettiet bl-iżball li sar fl-isptar, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet ruling fil-parlament.
B’referenza għall-każ tar-raġel tal-eks-Ministru Giovanna Debono, Dr Muscat qal li għall-ewwel darba minn meta daħlet il-liġi tal-whistleblower, il-Pulizija ressqet persuna l-Qorti. 
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq il-mekkaniżmu tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Immigrazzjoni fejn f’każ ta’ emerġenza, Malta għandha tieħu 120 persuna. Qal li jippreferi jieħu “120 immigrant li jaslu Malta b’mod legali fuq ajruplan, milli eluf b’mod illegali.”
Reazzjoni Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa l-Partit Laburista li għandu jirtira l-Avviż Legali li jbaxxi l-istandards fl-edukazzjoni. Sostna li l-PN hu d-difensur tal-ogħla standards fl-edukazzjoni f'Malta.
Fi stqarrija, il-PN saħaq li kull darba li l-PL ikun fil-Gvern, l-istudenti dejjem ikunu vittmi tiegħu, u l-awtoritajiet jispiċċaw puppets on a string.

Semma kif l-aħħar darba li kien fil-Gvern, il-PL żarma l-MCAST, waqqaf l-istipendju lill-istudenti u xekkel l-Università ta' Malta fit-tkabbir tagħha. 
L-istqarrija tal-PN tgħid ukoll li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru  biex jibni fiż-Żonqor hi ħadma mill-bidu sal-aħħar: kemm mil-lat ambjentali, kemm mil-lat edukattiv, kif ukoll mil-lat tat-trasparenza.