Il-PM jappella għal prijoritajiet ċari għal Commonwealth rilevanti għall-ġejjieni

Fil-ftuħ tal-laqgħa tal-mexxejja tal-Gvernijiet fi ħdan il-Commonwealth, il-Prim Ministru Joseph Muscat appella biex l-għaqda tat-53 pajjiż tkun waħda rilevanti għall-ġejjieni, b’impenn fuq prijoritajiet ċari speċjalment erbgħa.
L-ewwel, ġlieda internazzjonali lir-radikaliżmu, kontra s-sħubija fi gruppi terroristiċi, immedjatament b’azzjoni militari imbagħad b’edukazzjoni u opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ, li indirettament jolqtu wkoll il-fenomenu tal-immigrazzjoni.
It-tieni, governanza tajba, b’iktar skrutinju u stampa ħielsa li titħalla tagħmel xogħolha, it-tneħħija ta’ preskrizzjoni għal każijiet ta’ korruzzjoni, ħarsien għall-whistleblowers u liġijiet għall-finanzjament tal-partiti.
It-tielet prijorità hi l-ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa, bejn razez differenti u bejn dawk b’orjentazzjoni sesswali differenti. Il-Prim Ministru saħaq li dan hu valur assolut u li ma jistax jiġi meqjus skont l-aptit ta’ dak li jkun. Qal li l-Forum tan-Nisa li sar għall-ewwel darba f’Malta bħala parti miċ-CHOGM, wera kemm l-ugwaljanza bejn is-sessi għadha lura fil-firxa tal-Commonwealth, u dik favur persuni b’orjentazzjoni sesswali għadha ferm iktar ’il bogħod.
Il-Prim Ministru semma l-ħarsien tal-pjaneta bħala r-raba’ prijorità, u qal li l-Commonwealth tista’ tkun mezz kredibbli biex toħloq pjan biex tindirizza l-bidla fil-klima, hekk kif tinkludi fost l-ekonomiji l-iktar żviluppati u dawk mill-iktar vulnerabbli.
Semma wkoll id-diffikultà ta’ ħafna pajjiżi li jiffinanzjaw inizjattivi f’dan is-settur u spjega li, sa sentejn oħra, se titnieda inizjattiva f’dan is-sens fi ħdan il-Commonwealth, bl-ewwel investiment ta’ $1 biljun.
Il-Prim Ministru awgura li l-laqgħa taċ-CHOGM tkun mument strumentali li ġġib bidla ta’ ispirazzjoni għall-futur. Semma  laqgħat oħra importanti, li saru fl-istess binja inkella mhux ’il bogħod, tal-Valletta Summit ġimagħtejn ilu, il-laqgħa ta’ Bush u Gorbachev 26 sena ilu, u dik bejn il-President Amerikan, Roosevelt u dak Ingliż, Churchill, 70 sena ilu.