Il-PM jammetti li “l-Gvern seta’ salva lit-tfal imma qatt ma kienu f’periklu”

Chris Grodotzki/Sea-Watch

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li l-Gvern seta’ salva t-tfal u familjari minn fuq is-Sea Eye and Sea Watch bħala ġest umanitarju qabel ma l-immigranti kollha ddaħħlu Malta bħala parti mill-ftehim li ntleħaq ma’ uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Muscat qal li l-ħsieb li d-49 immigranti abboard il-bastimenti tal-NGOs seta’ jiġrilhom xi ħaġa baqa’ jidwi f’rasu iżda dejjem ġie żgurat li dawn qatt ma kienu f’xi periklu imminenti.
Il-Prim Ministru qal li Malta ma injoratx l-aspett uman. Malta offriet evakwazzjoni medika iżda din ma ntalbitx.

Il-Prim Ministru t-Tnejn fil-għaxija għamel stqarrija ministerjali dwar is-saga tad-49 persuna abbord li baqgħu jinżammu għal 19-il jum abbord iż-żewġ bastimenti ta’ għaqdiet mhux governattivi tniżżlu Malta. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta ma kellha l-ebda rwol fil-ħin meta l-immigranti inġabru fl-ibħra territorjali Libjani miż-żewġ bastimenti
u dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni Ewropea għax l-eqreb portijiet kienu t-Tuneżija u l-Italja, li rrifjutaw li jiftħu l-portijiet. Muscat wera turija ta’ apprezzament lejn l-oppożizzjoni li f’dan il-każ uriet sens nazzjonali.

Il-kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa jekk il-Prim Ministru iddiskutiex din is-sitwazzjoni mal-Prim Ministru tal-Libja u dak Taljan. Hu staqsa ukoll dwar ir-rwol tal-NGOs lil hinn mill-ibħra territorjali Libjani fejn qed jirriżulta li hawn matul is-snin salvaw l-eluf ta’ persuni. Il-Prim Ministru wieġeb li mal-Italja, Malta għandha relazzjoni tajba u iżda ma jixtieqx li Malta tibqa’ gallarija minħabba s-sitwazzjoni diffiċli fil-Libja anzi jrid li Malta tkun fuq quddiem. Huwa semma’ li mal-Libja ddiskuta l-bżonn li jibdew it-titjiriet bi skeda bejn iż-żewġ kapitali u li tinfetaħ mill-ġdid l-ambaxxata Maltija fi Tripli biex jitjieb id-djalogu bejn iż-żewġ pajjiżi.