Il-PM iżur il-monti tal-Belt, jintlaqa’ b’reazzjonijiet differenti

Il-Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi, intlaqa b’ reazzjonijiet imħallta meta żar il-monti tal-Belt Valletta.

Uħud mill-bejjiegħa tawh merħba mimlija entużjażmu, oħrajn qasmu miegħu diffikultajiet li jsibu ma’ wiċċhom bħala bejjiegħa tal-monti.

F’kummenti li ta lil midja wara din iż-żjara, Dr Gonzi qal li n-negozju fi Strada Merkanti huwa kruċjali biex jistimola l-attività ekonomika tal-Belt, b’mod speċjali wara l-investiment li sar mill-gvern f’din it-triq.

Hu sostna li matul din il-kampanja ħarġet fil-beraħ id-differenza bejn iż-żewġ partiti, dwar il-ħolqien tal-impjiegi u tnaqqis tat-taxxi.

Dr Gonzi kompla jgħid li l-Unjoni Ewropea ukoll approvat il-previżjonijiet tat-tkabbir ekonomiku għal din is-sena.

Hu kien akkumpanjat minn deputati u kandidati Nazzjonalisti fuq l-ewwel distrett.