Il-PM isejjaħ laqgħa tal-MCESD dwar il-coronavirus

Miguela Xuereb

Read in English.

Wara l-laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela talab li nhar il-Ħamis li ġej jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex tkun diskussa l-pożizzjoni ta’ Malta fl-isfond tal-pandemija Covid-19.

Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien spjegat li Abela ħa din id-deċiżjoni wara li sema’ x-xewqa tal-imsieħba soċjali għal iktar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti u t-triq ‘il quddiem.

Għalhekk il-Prim Ministru se jkun qed jagħti dan l-aġġornament fattwali lill-MCESD kollu nhar il-Ħamis li ġej.

Il-Gvern reġa’ tenna li s-sitwazzjoni fil-pajjiż hija assolutament taħt kontroll u assigura li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jissalvagwardja s-saħħa tal-poplu u l-ekonomija tal-pajjiż.