Filmat: “Mur għand il-Pulizija” – il-PM dwar l-allegazzjoni ta’ DCG li Egrant hi ta’ martu

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu u martu Michelle, se jiftħu libell kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-istazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista.
F’konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ b’urġenza f’Kastilja ftit wara li Caruana Galizia kitbet li Michelle Muscat għandha ishma fil-kumpanija Egrant fil-Panama,  il-Prim Ministru qal li “l-gidba tal-lum se tibqa’ mmarkata bħala l-akbar waħda fl-istorja.”
Żied jgħid li jiċħad kategorikament li kellu jew għandu xi flus jew kumpanija f’Malta jew barra minn Malta, li mhumiex iddikjarati.
Il-PM jisfida lil DCG tmur għand il-Pulizija bid-dokumenti
Stqarr li jisfida lil Caruana Galizia biex tmur għand il-Pulizija bid-dokumenti li qed tirreferi għalihom fl-artiklu tagħha.  Żied jgħid li se jżomm lill-Kap Nazzjonalista responsabbli.
Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha qed tallega li mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat, għandha ishma fil-kumpanija Egrant, it-tielet kumpanija fil-Panama.
"Michelle Muscat b'ishma f'Egrant" – DCG
Caruana Galizia kitbet li hemm dokumenti fis-safe tal-Bank Pilatus f’Ta Xbiex, li juru li l-ishma f’Egrant huma miżmuma minn rappreżentanti ta’ Mossack Fonseca f’isem “Mrs Michelle Muscat”.
DCG qalet li dan is-safe qiegħed fil-kċina tal-Bank Pilatus. Hija tgħid li oriġinarjament dan is-safe kien fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv.
Spjegat li f’dan is-safe hemm d-dikjarazzjonijiet ta’ trust li ġew provduti lill-bank minn Brian Tonna, biex ikun jista’ jinfetaħ il-kont għal Egrant Inc, li għalih kien hemm bżonn l-identità tas-sid benefiċjarju.  Żiedet tgħid li isem Michelle Muscat jinsab imniżżel ukoll fuq il-formula tal-ftuħ tal-kont għal Egrant Inc.
Il-ġurnalista kitbet ukoll li f’dan is-safe hemm dokumenti ta’ klijenti Maltin, fosthom Keith Schembri. Sostniet li l-kont ta’ Schembri jintuża regolarment u li l-istatements tiegħu juru tranżazzjonijiet suspettużi ħafna,  b’involviment ta’ persuni fl-Arżerbajġan. 
Spjegat li d-dokumenti kienu skanjati u storjati fil-cloud biex ikunu aktar siguri.
Aktar kmieni Daphne Caruana Galizia qalet li sar trasferiment ta’ $1 miljun lill-kumpanija Egrant.  Żiedet tgħid li barra dan it-trasferiment, għal diversi ġimgħat bejn Jannar u Marzu 2016,  saru depożiti darbtejn f’ġimgħa li kienu jammontaw għal $100,000 kull darba.
Il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għal darb’oħra ċaħdu l-allegazzjonijiet kollha fil-konfront tagħhom u l-Ministru Mizzi fetaħ it-tieni libell. 
Arnold Cassola (AD) b'appell għal DCG biex tippubblika d-dokumenti kollha
Iċ-Ċerpersin ta' Alternattiva Demokratika Arnold Cassola appella lil Daphne Caruana Galizia biex tippubblika d-dokumenti kollha li għandha malajr kemm jista' jkun, biex tissostanzja dak li qed tikteb.
Id-Deputat Ċerpersin Carmel Cacopardo appella li tinfetaħ investigazzjoni immedjata biex ikunu eżaminati l-fatti u d-dokumenti kollha, kif ukoll biex jittieħdu l-passi kriminali jekk ikun meħtieġ.
Marlene Farrugia (PD) titlob lill-Pulizija tinvestiga
Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia bagħtet imejl lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u talbitu jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru dwar il-familja tal-Prim Ministru b'rabta mal-kumpanija Egrant fil-Panama. 
Appellat għal investigazzjoni immedjata dwar Egrant u ż-żewġ kumpaniji l-oħra fil-Panama.
Il-Prim Ministru jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga
Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern ftit qabel nofsillejl, il-Prim Ministru talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jqabbad maġistrat inkwerenti llejla stess, biex jinvestiga l-allegazzjonijiet. Lill-Kummissarju talbu wkoll biex jitlob lill-Maġistrat tal-Għassa biex jiġu ppreservati l-provi kollha u jagħti direzzjoni biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa jekk ikun il-każ.