“Il-PM irid ipattiha lil Daphne” – Karol Aquilina

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna li l-Prim Ministru Joseph Muscat għadu sal-lum irid ipattiha lil Daphne Caruana Galizia wara li neħħilha kull sens ta’ umanità u esponiha għall-periklu kontinwu.
F’diskors fil-Parlament, Aquilina irrefera għas-sentenza fil-Qorti tat-8 t’April tal-2002 b’rabta ma’ ktieb li kien ħareġ Joseph Muscat dwar l-iskandlu ta’ Chambray. Fil-ktieb, Muscat kien iddeksriva lil Daphne Caruana Galizia bħala parti mill-għanqbuta f’Malta tal-eks sid ta’ Chambray Roberto Memmo. 
Karol Aquilina spjega kif din kienet allegazzjoni serja ħafna fil-konfront ta’ Caruana Galizia, tant li l-Qorti kienet sabet li dak li kiteb Muscat dwarha kien malafamanti.
Id-deputat parlamentari Nazzjonalisa kompla jgħid li dawk li kienu u għadhom jattakkaw lil Daphne Caruana Galizia, għandhom problema iktar minn qatt qabel meta semgħu l-għajta qawwija ta’ eluf ta’ persuni lesti biex jieħdu azzjoni konkreta. 
Għadda biex jitkellem dwar il-Korp tal-Pulizija, li fi kliemu għadda minn “kalvarju” f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Iddeskriva lil eks-kummissarju tal-Pulizija John Rizzo bħala bniedem li għandu s-sinsla biex ikun rispettat, awtorevoli, ta’ prinċipju u ta’ azzjoni.
Min-naħa l-oħra semma kif il-Kummissarju preżenti Lawrence Cutajar huwa problema għall-poplu Malti u Għawdxi u li ma jispira l-ebda fiduċja.
Karol Aquilina qal li anke t-tliet kummissarji ta’ qablu kollha spiċċaw bil-banda mill-Korp tal-Pulizija. 
Tkellem dwar l-Avukat Ġenerali fejn qal li wasal iż-żmien li jridu jinfirdu ż-żewġ rwoli ewlenin tiegħu – dak li jiddeċiedi x’azzjoni kriminali għandha tittieħed fil-Qrati u dak li jkun l-Avukat tal-Prim Ministru u tal-Gvern.
Id-deputat parlamentari Nazzjonalista għadda biex jitkellem dwar ir-road map tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li skont huwa kienet dik li jaħtaf il-poter kollu taħt idejh u jnissel sens ta’ biża’ fost il-maġġoranza tal-poplu Malti.