Il-PM il-ġdid irid jinvestiga l-abbuż fuq l-ambjent – FAA

L-għaqda mhux governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qalet li wara sitt snin ta’ abbuż li fihom batew in-nies affettwati minn permessi li kienu ‘b’xejn għal kulħadd’, il-Prim Ministru l-ġdid għandu jinvestiga dawn l-abbużi.

L-FAA qalet li dawn il-permessi għandhom jiġu investigati għax jista’ jkun hemm possibilità ta’ konnessjoni bejn dawn l-istejjer u attivitajiet ta’ ħasil ta’ flus.

L-għaqda qalet li matul dawn is-sitt snin ħafna persuni sofrew minħabba l-mod kif l-iżviluppaturi kienu qed jieħdu taħt idejhom l-art u jiżviluppawha bil-barka tal-awtoritajiet. L-iżviluppaturi kienu qed jinjoraw l-liġijiet biex inaqqsu t-trab, l-istorbju kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

Flimkien għal Ambjent Aħjar qalu li diversi żviluppi li saru qerdu binjiet storiċi, żdiedu t-traffiku, kif ukoll ħolqu binjiet twal f’toroq dojoq. Huma żiedu li ntilfet ukoll ammont ta’ art pubblika fosthom il-proġett tal-ITS, l-Università Amerikana f’Bormla u Żonqor kif ukoll diversi proġetti oħra li saru fuq art ODZ.

Huma enfasizzaw li l-Ministru Ian Borg iddefenda ċ-chairperson tal-board tal-EPC li ħareġ il-maġġoranza tal-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li ħadem viċin Kastilja biex iħares l-interess tal-żivilupppaturi aktar milli tal-komunità.

Fl-istqarrija l-għaqda Flimkien għall Ambjent Aħjar temmew li r-reputazzjoni ta’ Malta ġiet imħassra, tnaqqset il-kwalità ta’ ħajja u ġew affettwati l-ambjent storiku u dak urban. Huma appellaw li l-pajjiż ma jistax jistenna aktar u hemm bżonn li tittieħed azzjoni urġenti.