Il-PM iħabbar 300 impjieg ġdid fl-avjazzjoni

DOI - Clifton Fenech

Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat ħabbar 300 impjieg ġdid fl-industrija tal-avjazzjoni.

Fi stqarrija,  Muscat qal li permezz ta’ ftehim mal-kumpanija SR Technics qed jintwera kif l-industrija tal-avjazzjoni tista’ tittieħed fil-livell li jmiss.

Muscat spega li dan kien proċess twil u kkumplikat li dam sena sakemm ġie konkluż. Qal li kien jinvolvi investiment ta’ aktar minn €35 miljun. Se jiġu impjegati aktar minn 300 ħaddiem. Muscat qal li l-Gvern se jkompli jinvesti fir-riżorsi umani permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’dan is-settur.

Il-Prim Ministru qal li s-Safi Aviation Park qed ikompli jattira proġetti ġodda li qed jgħinu biex jiġi offrut servizz sħiħ għall-industrija tal-ajru. Is-servizzi jinkludu aviation painting, aircraft chartering, u tiswijiet tal-ħelikopters.

“L-industrija tal-avjazzjoni hija waħda importanti għall-ekonomija. Però, biex tiffjorixxi, l-industrija għandha bżonn ħafna attenzjoni u l-ambjent ekonomiku t-tajjeb”.

Fi stqarrija, il-kumpanija SR Technics qalet li l-bini tal-hangar il-ġdid tagħha se jibda din is-sena u jintemm f’Novembru tal-2019. Il-kumpanija internazzjonali bdiet taħdem f’Malta fl-2010 u tħaddem 260 persuna.