Il-PM ifaħħar il-ħidma ta’ Keith Schembri u jgħid li l-PN għalhekk jattakkah

​Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-investimenti l-ġodda li waslu f’Malta fl-aħħar jiem u ġimgħat huma frott ta’ ħidma ta’ Grupp Parlamentari li jaħdem flimkien u anke nies fl-uffiċċju tiegħu li jimbuttaw l-affarijiet ‘il quddiem.
Kien hawn li semma liċ-Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri, li jinsab fin-nofs ta’ kontroversja dwar kumpanija fil-Panama, u qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jattakah għax jaf li jaħdem ħafna.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-partit tiegħu meta għamel referenza għal għadd ta’ investimenti li tħabbru matul l-aħħar ġimgħa.
Fost dawn, matul din il-ġimgħa kien iffirmat investiment mal-kumpanija Huawei u anke investiment fil-park tal-avjazzjoni.
Il-Mexxej Laburista kompla jgħid li jinsab fiduċjuż li fil-ġimgħat li ġejjin il-pajjiż se jimxi ħafna ‘l quddiem u n-nies se tkompli tħoss id-differenza fil-but.
Żied li minkejja dan kollu, l-Oppożizzjoni f’kull opportunità se tibqa’ negattiva u distruttiva.
“Meta Simon Busuttil ikun negattiv il-Gvern qed jissaħħaħ,” qal il-Prim Ministru waqt li saħaq li l-Oppożizzjoni riedet timmina l-ekonomija tal-pajjiż u n-nies qed tinduna b’dan.
Tkellem dwar il-faqar u qal li taħt il-Gvern preċedenti l-faqar irdoppja, iżda l-Gvern qed jaħdem biex inaqqas l-ammont billi jippromwovi aktar l-edukazzjoni, joħloq aktar xogħol u jagħti benefiċċji lil min vera għandhom bżonnhom.
Dwar is-saħħa, il-Prim Ministru qal li l-listi tal-istennija jridu jispiċċaw u qal li bħalissa għaddeja konsultazzjoni biex mhux biss tonqos il-lista tal-istennija, imma għal kull operazzjoni jkollok żmien massimu sa meta tagħmilha.
Jekk ma tagħmilx l-operazzjoni f’dak iż-żmien, tista’ tmur tagħmilha fi sptar privat u l-Gvern iħallas għalik, spjega Dr Muscat.
Tkellem ukoll dwar il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco u qal li għandu jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu.
Temm l-intervista billi qal li l-attività ta’ Jum il-Ħaddiem organizzata mill-Partit Laburista mhux se tkun attività politika imma festa għall-familji Maltin u Għawdxin kollha.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
B’reazzjoni l-PN qal li iktar ma Joseph Muscat jiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi, kif reġa’ għamel bis-saħħa, iktar jikber is-suspett li Dr Muscat stess hu involut fl-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Bi stqarrija l-PN sostna li skont dak li hu żvelat s’issa, l-id il-leminija u l-id ix-xellugia ta’ Joseph Muscat feħtu żewġ kumpaniji sigrieti fil-Panama wara l-elezzjoni ġenerali u fl-istess żmien infetħet kumpanija oħra bl-istess metodi u mill-istess kumpanija għal xi ħadd ieħor.
Qal li flok ikeċċihom, il-Prim Ministru qed jagħżel li jiddefendi lil Schembri u lil Mizzi. Il-PN saqsa għaliex u saqsa jistax ikun li hu involut magħhom.