Il-PM iddiżappuntat bin-nuqqas ta’ ndafa f’Malta

Waqt laqgħa mal-MHRA f'Kastilja, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab iddiżappuntat bil-livell ta’ ndafa fit-toroq Maltin.

Dr Muscat qal li l-isforzi kollha u l-miljuni ta’ flus li qed jonfqu l-lukandiera u tar-ristoranti jistgħu ma jservu għalxejn jekk il-pajjiż jibqa’ maħmuġ.

Kompla jgħid li tkellem mal-Kunsilli Lokali, fosthom ma' ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ San Ġiljan, u r-risposta kienet li m’għandhomx biżżejjed fondi.

Saħaq li hu inaċċettabbli li din il-problema terġa’ tirrepeti ruħha s-sena d-dieħla u għalhekk se jqis li sal-istaġun turistiku li jmiss, it-toroq, l-aktar dawk turistiċi, ma jkunux maħmuġa.

Il-Prim Ministru kkummenta dwar il-linja nazzjonali tal-ajru Airmalta u stieden lill-persuni responsabbli mill-pjan ta’ ristruttarar biex jippubblikaw ir-riżultati miksuba f’dawn l-aħħar tliet snin. 

Dwar l-Enemalta Dr Muscat qal “li din ma tistax tibqa’ mażra ma’ għonqna” u d-dejn ta’ tminn mitt miljun ewro jrid jiġi indirizzat minnufih. Sostna li s-settur tal-enerġija għandu jikber, tant li l-istudenti jaraw f'dan is-settur possibiltà ta' impjieg.

Dr Muscat żied jgħid li fix-xhur li ġejjin mistenni jerġa’ jiltaqa’ mal-MHRA dwar aktar deċiżjonijiet biex tiżdied il-kompettività u dawn jittieħdu b’rispett lejn l-ambjent.

Tul il-laqgħa l-President tal-MHRA Tony Zahra ħabbar li sal-aħħar tas-sena qed jiġi stmat li se jkunu ġew Malta 100,000 turist aktar mis-sena l-oħra.

F’isem l-Assoċjazzjoni, Zahra laqa' l-ftehim li sar bejn il-Gvern Malti u Libjan dwar ix-xiri taż-żejt u fakkar kif l-MHRA ilha għal dawn l-aħħar erba’ snin tesiġi li jorħos il-prezz tal-enerġija.

L-MHRA ipproponiet biex fix-Xitwa jkun hemm minn tal-inqas attività waħda fil-ġimgħa li sservi ta’ attrazzjoni turistika u anke tgħin is-sostenibiltà tal-lukandi.

 

Ritratt: DOI – Reuben Piscopo