“Il-PM huwa ostaġġ; il-pożizzjoni mhix tenibbli” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru huwa ostaġġ ta’ kriminalità u allura l-pożizzjoni tiegħu mhix tenibbli. Dan qalu waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista.

Delia tkellem dwar il-laqgħa li kellu mal-President ta’ Malta lbieraħ u sostna li huwa limitat dwar dak li jista’ jitkellem dwaru. Qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-obbligu li jirreaġixxi għal dak li qed jiġri fil-pajjiż. Sostna li bħalissa l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jippreżenta lilu nniffsu bħala Kummissarju tal-Pulizija u Kap Kmandant tal-Forzi Armati.

Sostna li l-Prim Ministru tal-pajjiż flok qed iħalli l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom, qed irażżan u jxekkel il-libertà tagħhom. Qal li ħass id-dmir u d-dover, wara li talab parir kostituzzjonali, sabiex imur għand il-President biex jiddiskuti u juri t-tħassib serju tiegħu. Qal li flimkien aw kif il-pajjiż jista’ joħroġ minn din is-sitwazzjoni prekarja li jinsab fiha.

“Meta tkisser id-demokrazija, jfisser li r-rieda tal-poplu mhux qed tiġi iktar rispettata. Allura għandek Gvern li jsir illeġittimu,” sostna Delia.  

Spjega li bħalissa l-pajjiż għandu investigazzjoni serja għaddejja ġmiela. Qal li qed nitkellmu fuq assassinju ta’ ġurnalista li nqatlet għax kienet qed tagħmel xogħolha. Spjega li dawn l-aħħar ġranet Joseph Muscat għażel li jilbes il-kappell tal-kelliem tal-Kummissarju tal-Pulizija. Delia qal li Muscat ta’ struzzjonijiet lill-AFM u li ta l-parir lill-President li tingħata l-maħfra presidenzjali. Dan huwa kollu xogħol li għandu jsir mill-istituzzjonijiet u mhux mill-Prim Ministru. Qal li l-Prim Ministru jrid jieħu l-krettu ta’ dak li qed jiġri. Qalilna li ilu sentejn jaf affarijiet u ma setax jitkellem.

Delia rrimarka li l-Prim Ministru qiegħed hemm għal min tellgħu u mhux biex jidher hu. Minflok jipproteġi liċ-ċittadini, qed jipproteġi lil min hu korrott.