Il-PM Grieg iwissi dwar żieda f’każijiet ta’ COVID-19

EUTERS/Costas Baltas/File Photo

Iżjed minn qatt qabel hemm il-bżonn li l-Griegi jħarsu r-regolamenti maħsuba sabiex jikkontrollaw il-coronavirus, qal il-Prim Ministru tal-pajjiż nhar l-Erbgħa, filwaqt li wissa li jista’ jkun hemm restrizzjonijiet ġodda jekk iż-żieda inkwetanti ta’ każijiet ta’ kuljum ma tonqosx.

Il-Greċja rrappurtat 124 każ ġdid f’dik li tidher li hi prinċipalment mewġa ta’ infezzjonijiet domestiċi.

“L-ebda forma ta’ kompjaċenza mhi ġustifikata,” qal Kyriakos Mitsotakis. “Għadna ma nafux kemm-il xahar iżjed se nkunu sfurzati ngħixu bil-virus.”

Fir-rebbiegħa, il-Greċja kien fost l-aqwa pajjiżi li rnexxielu jikkontrolla t-tixrid ta’ COVID-19 l-aktar minħabba l-lockdown segwit minn trażżin impost mal-pajjiż kollu matul Marzu.

Mitsotakis iddeskriva ż-żieda reġistrata fl-infezzjonijiet, tliet xhur wara li ttaffew ir-restrizzjonijiet, bħala “inkwetanti”.

L-infezzjonijiet totali laħqu l-4,973 fejn mill-informazzjoni miġbura jidher li l-virus qed jolqot iżjed żgħażagħ minn qabel. L-esperti jgħidu li dan jista’ jkun jew minħabba żieda fit-testijiet jew minħabba li aktar viżitaturi ġew ittestjati matul l-ogħla staġun tat-turiżmu tal-Greċja.

It-turiżmu huwa l-ixprun ewlieni tal-ekonomija tal-Greċja, li din is-sena mistenni jonqos b’10% din is-sena.

“Iżjed minn qatt qabel hemm bżonn li nżommu mar-regolamenti speċjalment f’dan iż-żmien kruċjali, biex nevitaw żieda sinifikanti ġdida ta’ każijiet f’Awwissu u l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ġodda li jolqtu l-ekonomija u s-soċjetà,” qal Mitsotakis.