Il-PM gideb lin-nies; kien ilu jaf u m’għamel xejn – Delia

PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li kien ilu jaf bl-iskandlu tal-windfarms fil-Montenegro iżda għażel li ma jagħmel xejn. Meta kien qed jitkellem fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-estimi u nfiq tal-Korporazzjoni tal-Ilma, Delia qal li minkejja li Abela jħeġġeġ lil min għandu informazzjoni jmur għand il-Pulizija, għaddew tlett ijiem mindu ħareġ fil-pubbliku l-iskandlu tal-windfarms u baqa’ m’għamel xejn filwaqt li stqarr li kien diżgustat b’dak li ġara.

Delia qal li l-Pulizija kien ilha taf sitt xhur bil-każ iżda stenbħet issa u ħarġet stqarrija li ilhom jinvestigaw dan il-każ. Huwa qal li Abela u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, f’Jannar li għadda biddlu lir-rwol biex issa minn konsulent Abela spiċċa Prim Ministru u Muscat spiċċa konsulent. Kompla li dan kien parti mill-‘patt imxajtan’ u Abela wettaq tibdiliet kożmetiċi.

Delia lmenta li waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ħalla l-bankijiet tal-Parlament għax skontu dak li kien qed jiġi diskuss ma kienx importanti. Hu akkuża lill-Prim Ministru li daħak u gideb lill-poplu Malti meta la hu u lanqas membru tal-kabinett li dehru fir-ritratt wara l-eks Prim Ministru Muscat fil-konferenza tal-aħbarijiet waqt il-famuża laqgħa tal-kabinett, ma marru għand il-Pulizija.

Semma l-kumpanija 17 Black, u fi kliemu Keith Schembri u Konrad Mizzi solħu lill-poplu Malti €10 miljun biex qasmu bejnithom €4.6 miljun bi profitt li għamlu meta biegħu kumpanija lill-Gvern f’temp ta’ ftit ġranet.

Delia qal li żewġ kollegi (b’referenza lejn Joseph Muscat u Konrad Mizzi) serqu lill-poplu u baqgħu membri parlamentari u ħeġġeġ lill-Ministru Evarist Bartolo u kollegi oħra tiegħu li skont Delia jafu f’qalbhom li dak li qed jiġri mhux ta’ ġid għal Malta, biex mill-kliem jgħaddu għall-fatti.

Hu temm jgħid li f’Malta l-korruzjoni ma tistax tibqa tingħata l-kenn.