“Il-PM għandu jlaqqa’ l-Parlament b’urġenza” – Delia

PN

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia iddeskriva l-mod kif il-Gvern qed jiġġieled il-pandemija “azzjoni immorali” u appella biex il-Gvern ilaqqa’ l-Parlament b’urġenza.

F’intervista telefonika fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-Oppożzzjoni lesta biex fil-vaganzi tas-sajf tal-Parlament terġa’ tidħol biex tingħata l-informazzjoni. Qal li bħala deputati lesti jiddibattu biex jinstabu s-soluzzjonijiet qabel ma jkun tard wisq. Spjega li mhux ħin li jsiru l-konferenza tal-aħbarijiet imma li wasal iż-żmien biex jitlaqqa’ l-Parlament u jinstabu s-soluzzjonijiet.

Stqarr li bħalissa jinsab Għawdex mhux bħala btala imma biex jisma’ lin-negozji u jitkellem man-nies. Qal li mingħajr ħafna daqq tat-trombi huwa qed jaħdem filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela mar igawdi s-sajf. Stqarr li b’għemilu, “il-Prim Ministru qed jilgħab bis-saħħa tan-nies”.

“Il-ġustizzja trid issir anke mal-Avukat Ġenerali”

Dwar ir-riżenja tal-Avukat Ġenerali Peter Grech, il-Kap Nazzjonalista qal li l-ġustizzja li ma saritx għax naqas milli jieħu azzjoni. Stqarr li jrid jiġi assigurat li “anki wara li jkun telaq, il-ġustizzja trid issir miegħu ukoll”.

Spjega li l-Gvern ħin kollu jattakka lill-Oppożzzjoni li hija dgħajjfa u stqarr li dan hu mod kif il-ħin kollu jippruvaw iċċekknu lill-avversarju billi jimminaw lill-Oppożizzjoni.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni qed tagħmel pressjoni lill-Gvern. Huwa semma kif fil-minuti wara li l-Ministru Konrad Mizzi tela’ jixhed fil-kawża tal-Vitals miftuħa minn Delia nnifsu, Il-Ministru Mizzi kien irriżenja. Qal li fil-mument li l-Partit Nazzjonalista jwaqqaf lill-Gvern milli jkompli bil-kuntratt tal-Vitals, il-Gvern ikollu kwart ta’ miljun aktar kuljum biex jintefaq għall-ġid ta’ kulħadd.