Awdjo: Il-PM qed jerfa’ ir-responsabbilità fil-każ tax-xiri taż-żejt – Joseph Muscat

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat dalgħodu tkellem dwar il-każ tal-kummisjoni tax-xiri taż-żejt. Qal li ġaladarba l-Prim Ministru intrabat mad-dikjarazzjoni tal-Ministru Austin Gatt li ma tkellimx dwar xiri taż-żejt ma’ George Farrugia, dan ifisser li Dr Gonzi refa’ r-responsabilità ta’ din il-kwistjoni.

Dan hekk kif il-Ħadd filgħaxija, fuq talba tal-Kabinett, il-President ta’ Malta ħareġ proklama lil George Farrugia b’rabta mal-investigazzjonijiet li qed isiru mill-Pulizija dwar xiri ta’ żejt.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Mużew ta’ Wignacourt fir-Rabat, Dr Joseph Muscat staqsa x’differenza se tagħmel din il-maħfra u jekk din ix-xhieda hix se twassal għall-fatti ġodda u jekk hux se jiġu interrogati nies ġodda.

Dr Muscat sostna li mhux se jikkummenta sakemm ikollu l-informazzjoni kollha f’idejh.

Waqt l-istess konferenza l-Mexxej Laburista tkellem ukoll dwar l-importanza li għandha tingħata l-kultura hek kif fil-ħames snin li ġejjin Malta se tagħlaq 50 sena Indipendenti, se jkollha l-Presidenza Ewropea u anke l-Belt Valletta se tkun il-belt Ewropea tal-Kultura.

Partit Laburista fil-Gvern qal li se jkun qed jiftaħ il-bieb tiegħu għall-Knisja biex tirrestawra iktar postijiet ta’ interess li permezz tagħhom jitjieb il-prodott kulturali u turistiku.

Semma wħud mill-proposti tal-Partit Laburista fosthom li ċertu mużewijiet ikunu b’xejn għal ġurnata, li fl-Università titwaqqaf skola tal-arti, tiġi aġġornata l-Liġi taċ-Ċensura, iktar investiment fil-qasam ċinematografiku fost l-oħrajn.

Intant, f’reazzjoni li ntbgħatet lill-midja, il-Ministru Austin Gatt qal li hu qatt ma ddiskuta tenders fuq xiri ta’ żejt ma’ George Farrugia.