Il-PM għandu jkeċċi lis-CEO tal-MFSA talli siefer ma’ Yorgen Fenech – PN

Joseph Cuschieri MFSA Yorgen Fenech

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jkeċċi lill-kap eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) Joseph Cuschieri minnufih peress li dan siefer ma’ Yorgen Fenech fl-2018 bħala l-konsulent tiegħu.

Din l-aħbar ġiet żvelata mit-Times of Malta llum, u l-PN sejħilha “daqqa oħra għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

It-Times irrapporta li Cuschieri kkonferma mal-ġurnal li f’Mejju tal-2018, hu mar fuq btala ma’ Fenech peress li qabel hu kien jokkupa l-kariga ta’ regolatur fl-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA) u Fenech kellu bżonn parir fuq xi investiment li kien beħsiebu jagħmel. Cuschieri qal lill-ġurnalisti li peress li ma kienx għadu regolatur, ma jarax kwistjoni ta’ kunflitt ta’ interess. Il-vjaġġi għall-btala tħallsu minn Yorgen Fenech.

Mistoqsija għar-reazzoni tagħha, l-MFSA qalet lil Newsbook.com.mt li Cuschieri m’għandux xi jżid ma’ dak li diġà qal lill-ġurnalisti.

Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu ilu jinżamm fuq arrest preventiv minn Novembru tal-2019 u bħalissa għaddejja l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih fil-qorti.

Ilu fil-kariga mill-24 t’April tal-2018
Joseph Cuschieri s-CEO ġdid tal-MFSA

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-aħħar ħaġa li jeħtieġ is-settur tas-servizzi finanzjarji lokali hu dell fuq ir-regolatur.

Il-PN spjega li “Cuschieri kien wieħed min-nies li tpoġġew f’karigi pubbliċi minn Joseph Muscat u ġew ikkonfermati minn Robert Abela.” Għalhekk, il-Partit jidhirlu li l-PM għandu jiddikjara meta sar jaf b’dan il-vjaġġ, għandu jitlob liċ-chairpersons kollha tal-entitajiet pubbliċi jiddikjaraw kull każ ta’ kunflitt ta’ interess bħal dan li jista’ jxekkilhom milli jwettqu l-funzjoni tagħhom.  

Newsbook.com.mt bagħat jistaqsi lill-Ministeru għall-Finanzi dwar jekk hemmx ħsieb li Cuschieri jirriżenja jew jitkeċċa.

Sitwazzjoni imbarazzanti għall-President? – Cassola

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola xeħet dawl ieħor fuq din il-kwistjoni, wieħed li jaf itappan ir-reputazzjoni tal-President George Vella, billi Cuschieri huwa miżżewweġ lil bint il-President.

Huwa staqsa jekk dan il-każ huwiex se jkollu implikazzjonijiet serji għall-President.

Riżenji mill-Awtorità għall-Gaming

Intant, dalgħodu tħabbru żewġ riżenji fl-Awtorità Maltija għall-Gaming (MGA), li Cuschieri kien jagħmel parti minnha sa ftit snin ilu. Dawn huma dawk tal-Kap Eżekuttiv tal-MGA Heathcliff Farrugia u tal-Kap Uffiċjal għal Awtorizzazzjonijiet Karl Brincat Peplow.

Stqarrija tal-Gvern tgħid li l-perjodu ta’ meta l-kuntratti msemmija se jiġu fi tmiemhom se jiġi determinat mil-bord tal-istess awtorità fil-ġimgħat li ġejjin. L-istqarrija ma tagħtix raġuni għal dawn iż-żewġ riżenji.

Il-ġurnal Times of Malta żvela wkoll illum li Farrugia ġie interrogat mill-Pulizija riċentament minħabba chat li kellu ma’ Yorgen Fenech.

Mill-24 t’April tal-2018
Kap Eżekuttiv ġdid għall-MGA mil-lum

Fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia llum xehdet l-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, li tmexxi t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi. Fix-xhieda tagħha, hi qalet li l-pulizija fetħu għadd ta’ investigazzjonijiet kriminali miċ-chats ta’ Yorgen Fenech. Stqarret li l-investigaturi qegħdin jiflu dawn iċ-chats bir-reqqa sabiex ikunu jistgħu jiġu esebiti fil-proċeduri kontra Fenech sa Novembru li ġej.

Fl-istqarrija tiegħu, Prof. Arnold Cassola qal li ż-żewġ każijiet imsemmijin, dawk ta’ Cuschieri u Farrugia, ikomplu juru kemm l-istituzzjonijiet Maltin huma influwenzati minn Yorgen Fenech u nies tal-qatgħa tiegħu.