​Filmat: “Il-PM għandu jirriżenja biex inaddaf ismu” – Simon Busuttil

Il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil saħaq li l-Prim Ministru jinsab formalment taħt inkjesta maġisterjali u li wara li dak li ġie ppubblikat ilbieraħ, messu rriżenja biex inaddaf ismu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista appella lid-Deputati Laburisti biex ineħħuh huma għax Malta ma jistax ikollha Prim Ministru taħt sħaba ta’ korruzzjoni. Qal li Malta tinsab f'sitwazzjoni ta' kriżi politika u kostituzzjonali.
Saħaq li Dr Muscat kellu jirriżenja sena ilu meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers.
Stqarr li l-kumpanija Egrant hi ta’ mart il-Prim Ministru, u għaldaqstant hi tal-Prim Ministru nnifsu.
Simon Busuttil sostna li hu l-irwol tal-Pulizija, l-FIAU, l-MFSA u s-Servizzi Sigrieti biex jinvestigaw dan l-iskandlu.
Żied jgħid li l-Pulizija huma pparalizzati u kkontrollati, u li huwa ta’ għajb li minflok fetaħ investigazzjoni, il-Kummissarju mar jiekol.
Sostna li hu lest li joffri protezzjoni għal min jikxef informazzjoni dwar il-Panama Papers u dwar kwalunkwe skandlu ieħor.
Il-Kap Nazzjonalista sejjaħ dimostrazzjoni l-Ħadd li ġej fil-Belt Valletta.
Ritratt u Filmat: Ian Noel Pace