Il-PM għandu jieħu passi kontra ċ-Ċermen tal-Gozo Channel dwar is-‘serqa ċajta’ – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Prim Ministru għandu jieħu passi kontra ċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina, li ammetta li ħeba mill-pulizija każ ta’ serq mill-kumpanija.
Fi stqarrija, il-PN qal li ċ-Ċermen talab lill-pulizija biex tinvestiga, wara li l-każ kien ġie żvelat minn Newsbook.com.mt.  Dan minkejja li kien jaf bil- każ, dakinhar meta seħħ.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, Newsbook.com.mt irrapporta li fl-aħħar Ġimgħa ta’ Ġunju ntilef envelopp ta’ wieħed mill-bejjiegħa tal-biljetti, li fih kien hemm €4,000. Wara tfittxija ta’ madwar sagħtejn, mill-kameras tas-sigurtà ġie identifikat l-impjegat li ħa l-envelopp. X’ħin inqabad, l-impjegat, allegatament mar iġib l-envelopp mill-karozza, wara li hu stess kien qed jgħin fit-tfittxija.
Il-maniġment tal-Gozo Channel bagħat għall-impjegat li allegatament seraq il-flus, iżda qabel ma ġie ppubblikat l-artiklu ta’ Newsbook.com.mt, ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tiegħu. Minkejja li l-impjegat inkwistjoni għen lill-impjegati l-oħra jfittxu l-envelopp, x’ħin inqabad qalilhom li kienet ċajta.
Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li kieku ma kinitx il-midja li żvelat il-każ, dan kien jindifen u ma jiġi investigat qatt.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-pulizija qalet ukoll li ħarġet numru ta’ akkużi kriminali kontra l-impjegat, filwaqt li ġie sospiż.