Aġġornata (2): Brexit: “Qbilna f’inqas minn kwarta” – PM

​Il-mexxejja Ewropej, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, qablu unanimament dwar il-linji gwida għan-negozjati mar-Renju Unit dwar Brexit. 
F'Summit Ewropew dwar Brexit, il-mexxejja tas-27 stat membru tal-UE, minbarra tar-Renju Unit, iddiskutew strateġija konġunta għan-negozjati.
Il-Prim MInistru qal li hu sinifikanti li l-qbil dwar il-linji gwida għan-negozjati sar f'inqas minn kwarta. Saħaq li jemmen li ntbagħat sinjal ta' unità kbira bejn is-27 pajjiż membri u li hu wkoll ċertifikat għall-Presidenza Maltija. 
Dr Muscat qal li l-Ewropa qed tibbaża fuq il-ħsieb ta’ x’hemm bżonn li jsir. L-ewwel tkun indirizzata l-Brexit, u meta jsir progress biżejjed, jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra.
Temm jgħid li mhix se tkun triq faċli, imma l-ewwel pass kien tajjeb.
Taħdidiet uffiċjali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea mhux se jibdew qabel issir l-elezzjoni ġenerali tar-Renju Unit fit-8 ta' Ġunju. 
Qabel is-Summit, il-Prim Ministru Malti attenda laqgħa preparatorja għas-Soċjalisti Ewropej, fejn iddiskutew ukoll il-pożizzjonijiet komuni dwar Brexit.
Il-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej qabel li l-Unjoni Ewropea għandha l-ewwel u qabel kollox tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini, inkluż it-3 miljun ċittadin Ewropew li bħalissa qed jgħixu fir-Renju Unit u aktar minn miljun Ingliż f'pajjiżi oħra Ewropej.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri