Il-PM għadu m’għamel xejn fuq Chris Cardona – PN

Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għadu ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront tad-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona.

Il-PN qal dan wara li fl-aħħar sigħat is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompla jagħti x-xhieda tiegħu li timplika l-involviment ta’ Chris Cardona f’dan l-assassinju.

Aquilina qal li s-skiet u n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Robert Abela dwar Chris Cardona qed jidwu ma’ kullimkien, u din hija prova ta’ kemm Robert Abela m’għandux is-saħħa jiddeċiedi għall-aħjar interess għal Malta. Żied li Abela qiegħed iħalli lil Chris Cardona u bħalu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi jagħmlu li jridu.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li “dan huwa l-veru patt imxajtan”.

Il-Partit Nazzjonalista kompla li minflok ittieħdu passi kontra Chris Cardona, il-PM Robert Abela qiegħed jinnegozja miegħu bil-għan li jibqa’ figura importanti fil-Partit Laburista, kif baqa’ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Konrad Mizzi u l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar.

Il-PN qiegħed jappella lill-Prim Ministru biex jaħdem għas-sewwa u jipproteġi r-reputazzjoni ta’ Malta wara r-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Venezja u l-eżami tal-Moneyval.