PM Ġappuniż jirreżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa

Aġġornat 03:16 PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Ġappuniz Shinzō Abe ħabbar ir-riżenja tiegħu minħabba raġunijiet ta’ saħħa, ftit aktar minn sena qabel it-terminu tiegħu kien se jiġi fi tmiemu.

Abe ilu Prim Ministru minn Diċembru tal-2012, u kien għamel terminu ieħor fil-kariġa bejn l-2006 u l-2007. Hu għamel l-itwal żmien bħala Prim Ministru fil-Ġappun.

Fl-2007 kien irriżenja il-kariga tiegħu, u dak iż-żmien kien ħabbar li se jagħmel hekk minħabba nuqqas ta’ popolarità, li qal kienet qed ixxekkel riformi neċessarji. Però wara kien ħareġ li Abe kien qed jiffaċċja problemi ta’ saħħa minħabba kolite ulċerativa.

Bis-saħħa ta’ prodott mediċinali li ma kienx għadu wasal meta kien Prim Ministru, Abe irnexxielu jirkupra mill-kundizzjoni, u b’hekk reġa ħa t-tmun tal-gvern wara 5 snin. Però l-kundizzjoni issa reġgħet feġġet, u Abe kellu jistqarr li l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu ma tħallihx f’pożizzjoni li jmexxi l-pajjiż fi żmien il-pandemija tal-Covid-19.

“Is-saħħa personali m’għandhiex taffettwa d-deċiżjonijiet politiċi, u sakemm ma nistax nibqa’ nilħaq l-aspettattivi tal-poplu Ġappuniż, iddeċidejt li ma nistax nibqa’ Prim Ministru u għalhekk se nirriżenja,” Abe qal f’konferenza tal-aħbarijiet. Hu spjega li m’hemmx garanzija li t-trattament li se jsegwi se jilħaq l-effett mixtieq, u ma jridx jasal f’pożizzjoni fejn ikollu jitlaq b’urġenza.

Abe għamel apoloġija għaliex se jitlaq mingħajr ma jilħaq ċertu oġġettivi.

Il-kap tal-Partit Liberal-Demokratiku ma semma l-ebda suċċessur potenzjali, għalkemm il-Ministru tal-Finanzi Tarō Asō u Shigeru Ishiba, kritiku prominenti ta’ Abe, huma kkunsidrati bħala front-runners.

Abe mistenni jibqa’ jservi bħala Prim Ministru sakemm jintgħażel is-suċċessur tiegħu.