Aġġornata: Il-PM f’summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat bħalissa jinsab fi Brussell għar-raba’ summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika.
Barra minn hekk, il-Prim Ministru kellu laqgħa bilaterali mal-President tan-Niġerja Goodluck Jonathan fejn flimkien tkellmu dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u l-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari.
Joseph Muscat qal li f'Malta hawn komunità Niġerjana magħmula minn persuni li daħlu Malta legalment, iżżewġu u integraw fis-soċjetà, liema komunità llum dieħla fit-tieni ġenerazzjoni tagħha u ħafna mill-ulied huma Maltin.
Minkejja dan, il-Prim Ministru żied jgħid li  mhux aċċettabbli li xorta jkun hemm persuni min-Niġerja stess li jippruvaw jidħlu Malta illegalment.Bħalissa f'Malta hawn 155 persuna Niġerjana li daħlu illegalment u qed jistennew li jiġu ritornati.
Ħeġġeġ biex jiġu konklużi taħdidiet li ilhom għaddejin bejn iż-żewġ naħat biex dwar l-immigrazzjoni llegali isiru avvanzi iktar konkreti.
Tkellmu wkoll dwar ir-racket ta' kriminalità li qed iwassal għal traffikar ta' persuni u kien hemm qbil li jsir sforz ikbar biex dan jitwaqqaf.
Waqt il-laqgħa ġiet diskussa l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Istati tal-Commonwealth 2015 li se ssir f'Malta. Il-Prim Ministru qal li jħares ’il quddiem għall-parteċipazzjoni tan-Niġerja f'dan is-summit.
Is-summit fi Brussell se jiġi fi tmiemu għada u għandu l-għan li jqarreb il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana.
Summits preċedenti ttellgħu f’il-Kajr, f’Liżbona u fi Tripli.

Ritratti: DOI – Eugenio Wonnacott