​Il-PM fi triqtu għall-Awstralja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab fi triqtu lejn l-Awstralja fejn fil-jiem li ġejjin se jkollu numru ta’ impenji fi bliet differenti. 
Stqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru qalet li f’Melbourne, il-Prim Ministru se jkollu taħditiet ma’ għaqdiet ewlenin tan-negozju u tal-kummerċ Awstraljan bil-għan li Malta tkompli jattira iktar investiment u impjiegi ġodda. 
Fi Brisbane, Dr Muscat se jiltaqa’ mal-ogħla awtoritajiet tal-istat ta’ Queensland u se jieħu sehem f’forum tal-Commonwealth dwar l-innovazzjoni. 
Bħala ċ-chair-in-office tal-Commonwealth, il-Prim Ministru se jattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth u se jżur il-kontinġent li se jirrappreżenta lil Malta f’dawn il-kompetizzjonijiet.  
Dr Muscat se jiltaqa’ wkoll ma’ komunitajiet Maltin fl-Awstralja. 
Il-Prim Ministru huwa akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima.
Din iż-żjara kienet diġà tħabbret ix-xahar li għadda.