Il-PM fetaħ kawża kontrih innifsu biex inessi r-responsabbiltà politika – PN

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi sostna li l-kawża li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħmel fil-Qorti dwar il-każ Gaffarena qed issir wara li r-rapport tal-Awditur Ġenerali ma ħalliex triq oħra ħlief li l-Prim Ministru jirreaġixxi wara disa’ xhur.
Jason Azzopardi qal li matul dawn ix-xhur, Joseph Muscat kaxkar saqajh biex jiġġieled il-korruzzjoni għalkemm kellu l-fatti u r-rapport tal-IAID.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru jiftaħ kawża kontrih innifsu hija biss reċta biex jipprova jipperswadi lil poplu li jemmen fil-good governance.
Enfasizza li d-dewmien imur kontra l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin li jħallsu t-taxxa għaliex ta cans li jsir trasferiment ta’ assi qabel ma’ dawn jistgħu jittieħdu lura mill-Gvern.
Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru kellu jressaq protest ġudizzjarju s-sajf li għadda biex Gaffarena jkun imwissi biex ma jagħmilx trasferimenti tal-assi li kien akkwista sakemm tintemm l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja qal li din il-kawża tista’ ddum is-snin biex tinqata’ u tista’ wkoll tintilef.
Staqsa x’jiġri mill-assi tal-poplu jekk tintilef din il-kawża u jekk hux se jkun il-poplu li se jħallas.
Jason Azzopardi qal li kieku l-Prim Ministru jridu jieħu passi kontra l-illegalità kien ireġġa’ lura l-permess għal parti ta’ pompa tal-petrol f’Ħal Qormi li hija ta’ Gaffarena.

Reazzjoni PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li huwa evidenti li l-Oppożizzjoni ma fehmet xejn dwar il-kawża li l-Prim Ministru għamel sabiex jiġu rkuprati l-assi fil-każ Gaffarena.
Il-Partit Laburista qal li huwa tal-mistħija li l-Oppożizzjoni, wara li naqset milli tagħmel il-kawża hi stess, għażlet li tattakka lill-Avukat Ġenerali bl-iktar mod baxx u tagħmel pronunżji li fl-aħħar mill-aħħar għandhom isaħħu l-id ta' min m'għandux interess li l-assi jiġu rkuprati.
L-istqarrija ssostni li l-Oppożizzjoni issa għaddiet biex tħawwad l-issues u titfa' t-tajn.