Il-PM falla l-ewwel test tiegħu fil-qasam ambjentali – Team Start PN

Read in English.

Il-fergħa żagħżugħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, Team Start, sostniet li l-Prim Ministru Robert Abela diġà falla l-ewwel test tiegħu fil-qasam ambjentali.

B’referenza għax-xogħol li jinsab għaddej fuq il-proġett tas-Central Link, iż-żgħażagħ Nazzjonalisti sostnew li l-kontinwità li wiegħed Abela “qed tkun fl-arroganza u n-nuqqas ta’ konsiderazzjoni lejn dak li jgħajjixna.” Qalu li jistennew aħjar minn gvern li jgħid li għandu għal qalbu liż-żgħażagħ. Qalu li minflok, il-gvern mhu se jħalli xejn warajh ħlief konkos u tarmac.

Huma rrimarkaw li dak li qed iseħħ fejn jidħol il-proġett tas-Central Link huwa inaċċettabbli. Qalu li l-Ministru Ian Borg “qed jinjora għal kollox it-tħassib tal-popolazzjoni dwar l-istat tal-ambjent.”

Il-fergħa żagħżugħa kkundannat il-kontinwazzjoni tax-xogħol fuq il-proġett tas-Central Link meta “għadu qas biss tlesta l-proċess ġudizzjarju li jirrigwarda lil dan il-każ hekk kif il-Qorti għadha trid tiddeċiedi.” Qalu li dan l-aġir mhux biss juri nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent, iżda wkoll lejn il-proċess ġudizzjarju nniffsu.

“Ironikament, ftit xhur wara li pajjiżna ddikjara emerġenza fit-tibdil tal-klima, l-aġir tal-gvern jmur assolutament bil-kontra ta’ dan,” komplew jgħidu ż-żgħażagħ.