“Malta mhix tiġri wara l-flus taċ-ċittadinanzi” – il-PM

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li Malta mhijiex tiġri wara l-flus iġġenerati mill-Programm tal-Investitur Individwali (IIP), jew kif inhu magħruf aħjar il-bejgħ taċ-ċittadinanza b'investiment.
Muscat enfasizza li l-fatt li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb mhux biss bis-saħħa tal-IIP, juri kemm dan il-programm huwa tajjeb.
Waqt li kien qed jitkellem fis-Seminar dwar iċ-Ċittadinanza Globali f'Dubaj, il-PM irrimarka li l-programm mhuwiex xi tip ta' negozju li jsarraf fi flus iċ-ċittadinanza, u lanqas mezz kif inbillu sebagħna fil-flus ta' xi ħadd.
"Ir-raġunar wara l-IIP mhuwiex li nġiegħlu lil xi sinjurun jixtri ċ-ċittadinanza, iżda li jiffoka fuq l-interazzjoni u l-kapaċità li nqabblu l-persuna eżatta li toqgħod fil-parametri tal-programm", żied Dr Muscat.
Enfasizza li ħafna mill-persuni li xtraw iċ-ċittadinanza ma kinux nies popolari, iżda issodisfaw ir-rekwiżiti tal-programm, fosthom li jkunu nies li jaħdmu u għandhom rabtiet globali fin-negozju.
"Il-pajjiż qed jattira n-nies lim xtaq, bit-talenti u l-firxa li xtaq", irrimarka Dr Muscat.
Sostna li l-poplu dara issa bit-tkabbir ekonomiku, bis-surplus, bil-proporzjon tad-dejn għall-Prodott gross Domestiku baxx, u b'rata tal-qgħad kważi ineżistenti.
Sadanittant, il-PM rrefera għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, meta qal li bħalissa l-pajjiż għaddej minn żmien ta' niket, u jħossu kburi bir-reazzjoni tan-nies għax dan juri li l-poplu jrid il-ġustizzja.
Jiltaqa' maċ-Ċermen tal-ENOC
Waqt diż-żjara f'Dubaj, il-PM ltaqa' maċ-Ċermen tal-Kumpanija Nazzjonali taż-Żejt tal-Emirati (ENOC), u spjega l-vantaġġi għan-negozju fil-klima Maltija, filwaqt li ddiskuta l-opportunitajiet tal-ENOC f'Malta.
Iċ-Ċermen tal-ENOC wieġeb li Malta hi l-post ideali biex jespandi n-negozju f'dar-reġjun.
Ritratt: Arkivji