​Il-PM dwar l-assassinju DCG: “Naqbel li ssir investigazzjoni internazzjonali”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jilqa’ u jaqbel mal-kummenti tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani li għandu jkun hemm investigazzjoni internazzjonali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’kummenti li ta lill-mezzi tax-xandir waqt il-Kunsill tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell, il-Prim Ministru qal li dan jista’ jsir permezz tal-Europol.
Irrefera għal dak li qal Tajani meta sostna li jista’ jkun hemm barranin involuti fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dan l-isfond, Joseph Muscat tenna li l-Gvern mhu se jieqaf quddiem ħadd u xejn biex tinstab il-verità.
Spjega kif dawn il-kummenti tal-President tal-Parlament Ewropew, ma ngħatawx minħabba nuqqas ta’ fiduċja fl-awtoritajiet u l-Pulizija Maltija, iżda għax jista’ jkun hemm barranin involuti f’dan il-każ.
Dwar is-Summit tal-Mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Muscat spjega kif id-diskussjoni kienet ibbażata l-aktar fuq l-immigrazzjoni partikolarment fuq l-għajnuna li tingħata lill-pajjiżi Afrikani.
Qal li ġie diskuss ukoll il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Ritratt: DOI – Jason Borg