Il-PM Ċek jgħid lil Muscat li hu kontra t-tqassim tal-migranti

DOI - Clifton Fenech

Il-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Andrej Babiš qal lill-Prim Ministru Joseph Muscat li huwa kontra li pajjiżi Ewropej jaqsmu l-immigranti bejniethom waqt iż-żjara statali tiegħu f’ Malta llum.

Babiš żied jgħid li l-pajjiż tiegħu kien lest li jgħin l-Ewropa fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni u qal li diġà kien sar kontribut lil diversi programmi. Muscat iddeskriva l-laqgħa li kellu ma’ Babiš bħala waħda “interessanti” u rringrazzja lil Babiš li ma għadx idur mal-lewża. Muscat ammetta li għalkemm ma kienx hemm soluzzjoni waħda għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni, qal li wieħed ma jistax sempliċiment jibni ħajt. Il-Prim Ministru Ċek semma wkoll li kien hemm bżonn tibdil fix-Schengen, l-arranġamenti li jeliminaw il-kontrolli fil-fruntieri bejn l-istati membri tal-UE.

Il-migrazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran naqset b’80%

Muscat u Babiš tkellmu wkoll dwar kif naqset il-migrazzjoni lejn l-Ewropa fiċ-Ċentru tal-Mediterran b’80%.

Iż-żewġ mexxejja qalu li hemm bżonn strateġija Ewropea biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-migrazzjoni. Spjegaw li l-migrazzjoni lejn l-Ewropa fiċ-ċentru tal-Mediterran naqset b’80% fl-aħħar sena grazzi għal numru ta’ inizzjattivi. Muscat qal li Malta kienet l-unika pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jiddedika l-kapaċitajiet tekniċi tiegħu kollha għall-ħidma tas-salvataġġ tal-migranti.

Din kienet l-ewwel darba li Prim Ministru Ċek kien qed iżur lil Malta.