Il-PM b’politika diżonesta u inġusta dwar il-vot ħieles – Vassallo

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo saħaq li hija politika diżonesta u inġusta, dik tal-Prim Ministru li ma jippermettix li jkun hemm vot ħeles b’rabta ma’ suġġetti sensittivi bħall-IVF u l-kiri tal-ġuf.
Waqt l-Aġġornament Parlamentari llejla, Vassallo rrefera għal dak li qal Joseph Muscat fil-laqgħa li kellu mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, meta insista li l-MPs Laburisti mhux se jingħataw vot ħieles dwar il-liġi tal-IVF. 
Dr Muscat kien spjega, li jekk xi Membru Parlamentari kellu problema ta’ moralità u kuxjenza dwar l-immodernizzar tal-liġi tal-IVF, kellu jitkellem qabel ma’ kkontesta l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Edwin Vassallo rrefera għal Artiklu 44 fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, li jgħid li se jsiru emendi fil-liġi biex jirriflettu l-avvanz teknoloġiku.
Saħaq li din il-wegħda elettorali ma tispeċifikax li titratta anke materji ta’ ħajja u mewt. Irrimarka li huwa inġust li torbot MP biex jivvota favur il-linja tal-Gvern, sempliċiment għax kienet wegħda ta’ qabel l-elezzjoni.  
Edwin Vassallo saħaq li l-vot ħieles għandu jkun dritt fundamentali ta’ kull deputat, meta jidħlu kwistjonijiet morali. Insista li nkella mhux minnu li l-ogħla istituzzjoni tirrispetta d-demokrazija u l-libertà li tant temmen fiha.
F’Awwissu li għadda, Vassallo kien l-uniku Deputat li mar kontra d-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari u vvota kontra ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.